Lokali

Mhux ħatja li qatlu lil Sion Grech fl-2005: Verdett ta’ 7-2 għal Ismael Habesh u 8-1 għal Mahouachi Faical

Il-Libjan Ismael Habesh ta’ 52 sena u t-Tuneżin Mahouachi Faical ta’ 55 sena ma nstabux ħatja li fl-2005 qatlu lil Sion Grech fil-Marsa. Wara aktar minn seba’ sigħat ta’ deliberazzjoni Habesh ma nstabx ħati b’7 voti kontra 2 u lil Faical bi 8 voti kontra 1.

Huma ma nstabux ħatja li f’April tal-2005 qatlu Sion Grech, f’għalqa fil-Marsa, Il-katavru ta’ Sion Grech li kien transgender instab madwar ġimgħa wara l-qtil tiegħu, eżattament fit-13 ta’ April tal-2005, f’għalqa fil-Marsa, madwar ġimgħa wara li nqatlet fejn irriżulta li Grech qalgħet xejn inqas minn 17-il daqqa ta’ sikkina.

Sadanittant minkejja li Habesh instab ħati tar-raba kap tal-Akkuża dik li kellu fil-pussess tiegħu karozza li kien jaf li kienet misruqa u li għaliha ġie kundannat tliet snin ħabs, bħal sieħbu Faical, huwa xorta bniedem liberu peress li kien diġa’ skonta t-tliet snin ħabs meta kien miżmum taħt arrest preventiv.

Huwa wkoll issa irid jerġa’ jidher quddiem il-Qorti tal-Maġistrati minħabba li kiser ordni ta’ probation. Il-probabbilità issa hija li din l-ordni tiġi estiża. L-Imħallef Aaron Bugeja ordna wkoll lil Habesh iħallas €7,889 fi spejjeż ta’ esperti tal-Qorti marbuta mal-vettura misruqa.

Wara xi ħin l-Imħallef ħareġ u kkonferma l-verdett tal-ġurati filwaqt li f’dak li għandu x’jaqsam ma riċettazzjoni, dik li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa, f’dan il-każ karozza. Fuq ta’ l-oġġett misruq il-Qorti kkunsidrat l-ammissjoni ta’ dan ir-reat. Każ’ li dam 18-il sena, li mhux għal kollox huwa tort tal-akkużat, imma f’parti. Ġie kkunsidrat li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija.

L-Imħallef qal li mhux possibbli dak li qalet id-difiża li jingħata sentenza sospiża minħabba li huwa reċidiv. Fiċ-ċirkostanzi tal-każ u l-fedina penali kkulurita tiegħu l-Qorti kkundannatu piena ta’ tliet snin ħabs u fuq ir-reat hekk imsejjħa legalment riċettazzjoni, dik li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa.

Wara li fi tmiem il-ġuri l-Uffiċjal Prosekutur kien talab lill-ġurati biex ma jsibux lill-akkużati ħatja f’dak li jirrigwarda t-Tieni u t-Tielet Kap ta’ Akkuża, dik li użaw sikkina fl-omiċidju u li użawha mingħajr permess. Hawn il-ġurati sabu liż-żewġt irġiel unanimament mhux ħatja.

L-Avukat Anthony Vella kien qal lill-ġurati li sar żball min-naħa tal-Prosekuzzjoni li xliet lill-imputat Habesh b’liġijiet li dak iż-żmien, ta’ meta seħħ ir-reat, meta dawn ma kinux għadhom daħħlu fis-seħħ. Habesh minn naħa tiegħu nstab ħati biss tar-raba’ akkuża dik li uża karozza misruqa, liema akkuża kienet qed tirrigwardja lilu biss.

Dwar din l-akkuża saru trattazzjonijiet bil-Prosekuzzjoni titlob għal piena massima ta’ tmien snin priġunerija. Id-difiża qalet li l-piena taqa’ fil-parametri ta’ sentenza ta’ ħabs sospiża. L-Avukat Edward Gatt, li deher għal Habesh qal li ma jagħmilx sens li tingħata sentenza ta’ ħabs effettiva, minħabba li ftit tal-jiem wara li nsterqet din il-vettura, din ġiet ritornata lura lil sidha, u kien Ismael Habesh li f’April tal-2005 li wassal lill-Pulizija għall-istess karozza meta dawn kienet qed jinvestigaw.

Tenna illi apparti minn dan, Habesh stess ammetta li hu kien ħati ta’ din l-akkuża tant illi l-ġurati sabuh ħati b’mod unanimu. L-Avukat Gatt qal li dwar dan ma kien hemm ebda kontestazzjoni min-naħa tagħhom. Huwa saħaq li minn dak iż-żmien Habesh, li kellu problema ta’ droga, li llum m’għadhiex teżisti. Qal ukoll illi hemm problema kbira minħabba t-tul ta’ żmien illi ħa biex ġie deċiż dan il-każ.

Saħaq li d-dewmien ta’ 18-il sena ma kienx tort tal-klijent tiegħu, anzi qal li dan tressaq u spiċċa instab mhux ħati b’vot b’saħħtu. “Dan il-persuna għaddiet minn inġustizzja, u minflok issa l-Prosekuzzjoni trid titfgħu tmien snin ħabs talli saq karozza misrqua. llum Habesh qabad it-triq it-tajba u tkun inġustizzja jekk jintbagħat il-ħabs” qal l-Avukat Gatt.

L-Imħallef li wara li l-ġurati ħarġu bil-verdett irringrazzjahom tax-xogħol li għamlu, daħal fis-sigrieta tiegħu biex jiddeċiedi l-każ. Hekk kif daħal ġewwa il-kwiet fl-awla inkiser b’kommossjoni hekk kif Habesh sellem lil martu u lil uliedu. Il-Pulizija minn naħa tagħhom ħadu lil martu ħdejn il-bieb tal-awla biex tiltaqa’ ma’ żewġha, fost il-ferħ tal-familja.

L-Avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila deheru għal Habesh filwaqt li l-Avukat Simon Micallef Stafrace deher għal Mahouachi. L-Avukat Roberto Montalto deher parte civile għall-familja Grech. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Anthony Vella u Abigail Caruana mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.