Internazzjonali

L-Iran: Il-Gwardja Rivoluzzjonarja dikjarata bħala entità terroristika

Il-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjoni li dikjarat lill-Korp tal-Gwardjani Repubblikani – jew aħjar l-elit militari tal-Iran — bħala grupp terroristiku. Minbarra dan il-Korp, tpoġġew ukoll fuq il-lista s-sewda l-entitajiet sussidjarji tal-Gwardjani, li jinkludu lill-paramilitari ta’ Basij u l-Qawwa tal-Quds.

Ir-riżoluzzjoni, sponsorjata minn xi 60 deputat li ġejjin minn diversi gruppi fil-Parlament Ewropew, kienet adottata b’maġġoranza kbira minn fost ir-rappreżentanti tal-movimenti politiċi rispettivi fl-Assemblea.

Il-Parlament li kien qed jiltaqa’ fi Strasbourg, fi Franza, sejjaħ anki biex l-Unjoni Ewropea tespandi l-lista tas-sanzjonijiet għall-individwi u entitajiet kollha responsabbli għall-abbuż tad-drittijiet umani fl-Iran.

L-individwi, fost oħrajn, għandhom jinkludu lill-Ayatollah Ali Khamenei, bħala l-mexxej suprem tal-Iran; il-President Iranjan, Ebrahim Raisi; Il-Prosekutur Ġenerali Jafar Montazeri; l-organizzazzjonijiet tal-karità Iranjani assoċjati mal-Gwardjani Repubblikani  u l-227 deputat fil-Parlament Iranjan li sejħu biex il-Ġudikatura f’Tehran tagħmel użu mill-piena tal-mewt kontra ċ-ċittadini fl-Iran.

Il-membri tal-Korp tal-Gwardjani Repubblikani  u l-individwi affiljati mal-Korp se jkunu wkoll ipprojbiti minn kwalunkwe attivitajiet ekonomiċi u finanzjarji fi kwalunkwe pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.