Wara li kellna Milied u bidu ta’ sena ġdida b’temp mill-isbaħ kollox qed jindika li għal tmiem din il-ġimgħa se jkollna riħ qawwi, temperaturi baxxi kif ukoll maltemp qalil li se jolqot il-Gżejjer Maltin – riżultat tal-kesħa li qed taħkem diġa’ fuq l-Italja, u li riesqa lejn pajjiżna.
L-Uffiċju Meterjoloġiku qed ibassar li se jkollna maltemp kif ukoll riħ qawwi li se jilħaq massimu ta’ Forza 6. Iżda f’ċertu inħawi r-riħ jista’ anke jilħaq il-qawwa ta’ riefnu.
Barra minn hekk, jekk wieħed għandu l-ħsieb li joħroġ għandu jilbes sew għaliex it-temperatura se tibqa’ baxxa minn tal-anqas sal-ġimgħa li ġejja hekk kif it-temperatura se timmarka massimu ta’ 15-il grad celcius. Biex imbagħad, għal matul il-lejl, it-temperatura se tinżel 7 gradi.
Dan il-maltemp huwa kaġun taċ-ċiklun ‘Thor’ li preżentament jinsab fuq l-Italja, imma mistenni li jtaffi sakemm jilħaq il-gżejjer Maltin – għalkemm xorta waħda se nħossu l-effetti tiegħu.
Il-maltemp fix-xahar ta’ Jannar huwa komuni ħafna hekk kif kull sena ikollna maltempati u diversi ħalbiet tax-xita. L-aħħar li kellna temp sabiħ u sħun għall-Jannar kien propju fl-1983.
Fl-aħħar 70 sena erba’ darbiet biss ma kellniex maltempati fix-xahar ta’ Jannar; fl-1969, 1974, 2004 u 2020.
Dan il-maltemp huwa kuntrast totali għat-temp li kellna f’Diċembru hekk kif esperjenzajna temperaturi għoljin bi ġranet xemxin fejn kien ilu ma jkollna temperaturi daqshekk għoljin għall-aħħar 100 sena.
//= $special ?>