L-ewwel partita t’għada hija bla dubju l-iktar waħda mistennija minn ġurnata mimlija partiti intensivi fil-kampjonat Ingliż. Liverpool se jospitaw lil Chelsea f’Anfield, f’waħda mill-iktar logħbiet importanti tal-istaġun għaż-żewġ timijiet. Liverpool u Chelsea t-tnejn jinsabu bl-istess ammont ta’punti, 28 u huwa d-differenza fil-gowls li qiegħed jisseparahom, hekk kif jinsabu fid-disa’ u l-għaxar post rispettivament. Barra minnhekk il-partita t’għada tista tkun ukoll l-ewwel partita għall Mykhaylo Mudryk u Benoit Badiashile li huma żewġ plejers ġodda li ngħaqdu ma Chelsea fl-aħħar ġimgħat.
Erba’ logħbiet oħra fl-4pm, hekk kif Bournemouth se jaffrontaw lil Nottingham Forest fil-Vitality Stadium, filwaqt li Brighton jilgħabu barra darhom fil-King Power Stadium kontra Leicester City. B’rebħa fuq il-Foxes, Brighton kapaċi jersqu iktar viċin tal-postijiet għall-kompetizzjonijiet Ewropej, hekk kif bħalissa jinsabu fis-seba’ post, bi 3 punti taħt Tottenham li jinsabu fil-ħames post. West Ham United kontra Everton fil-London Stadium hija partita oħra kruċjali, din id-darba għal min se jaħrab miż-żona tar-relegazzjoni. Iż-żewġ timijiet jinsabu bi 15-il punt wara 19-il logħba, u b’rebħa hawnhekk u skor favorevoli fil-partiti l-oħra, ir-rebbieħ ta’ dan il-konfront jista jtaffi xi ftit mill-pressjoni tar-relegazzjoni. Southampton kontra Aston Villa fis-St.Mary Stadium hija l-partita l-oħra li se tintlagħab fl-4pm. Is-Saints qed jittamaw li jagħtu sorpriża u jiksbu riżultat pożittiv kontra l-Villians hekk kif jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika b’4 rebħiet f’19-il logħba.
Fl-aħħar partita tal-ġurnata naraw lil Crystal Palace jospitaw lil Newcastle United ġewwa Selhurst Park. Żewġ timijiet li bħalissa jinsabu fuq forma relittivament tajba, madankollu Newcastle dis-sena urew forma stupenda taħt it-tmexxija ta’ Eddie Howe, fejn fl-aħħar 5 logħbiet fil-kampjonat kisbu 11-il punt, bi 3 rebħiet u żewġ draws, li waħda minnhom saħansitra waslet kontra l-leaders Arsenal.
//= $special ?>