Lokali Qorti

Sentenza sospiża flok ħabs għax motivat biex isegwi programm għall-vizzju tad-droga

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Anne Farrugia kkundannat lil Frankie Bugeja ta’ 39 sena residenti Ħal-Qormi sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li seraq televixin, DVD player u makkinarju tal-kostruzzjoni fil-forma ta’ ‘chaser’ u ‘jigger.’

Il-Qorti qalet li Bugeja, li għandu problema ta’ droga  jidher motivat li jagġmel programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga, u għaldaqstant ma tridx li ttellfu minn din l-opportunità, b’sentenza ta’ ħabs effettiva, għaliex ir-riabilitazzjoni tiegħu tkun fl-aħjar interess mhux biss tiegħu iżda tas-soċjetà inġenerali.

Il-Qorti fakkret li reat bħal dawn il-piena massima titla’ sa erba’ snin ħabs. Mix-xhieda tal-Uffiċjal tal-Probation tant jixtieq li jindirizza din il-problema, li diġà applika biex jagħmel il-programm mal-Aġenzija Sedqa, qabel bdew dawn il-proċeduri kontrih.

Jirriżulta wkoll li huwa għandu ‘admission meeting” dan ix-xahar stess, li jfisser li sussegwentement huwa jingħata data biex jidħol għall-programm. Skont l-Uffiċjal tal-Probation, jekk Bugeja jibqa’ l-ħabs se jitlef iċ-ċans li b’mod immedjat jidħol fil-programm minn barra l-ħabs.

Bugeja kien tressaq il-Qorti lejliet il-Milied li għadda fejn huwa kien ammetta mill-ewwel is-serq, iżda wieġeb mhux ħati li kkommetta r-reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża mogħtija fit-8 ta’ Novembru li għadda u li sar reċidiv, akkużi l-Prosekuzzjoni rtirat.

Meta ġiet biex tagħti l-piena, l-Qorti minbarra li Bugeja qed jagħmel minn kollox biex jeħles mill-problema tat-teħid tad-droga, qieset ukoll l-ammissjoni bikrija. Il-Qorti poġġiet lill-ħati taħt ordni ta’ superviżjoni għall-perjpodu ta’ tliet snin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi filwaqt li għal Bugeja deher l-Avukat Jason Grima,