Lokali

Sezzjoni fi ħdan l-MDA biex toffri serħan il-moħħ

“Hemm bżonn li l-industrija ssir aktar professjonali, li kulħadd jaħdem aktar fuq level playing field. Hawn ħafna nies li jieħdu kuntratti biex jagħmlu proġetti u ma jieħdux ħsieb is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol – irridu serjetà u xogħol kif suppost”.

Sostna dan il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin Michael Stivala hekk kif ġiet ippreżentata sezzjoni ġdida fi ħdan l-MDA b’kollaborazzjoni mal-kumpanija checkyourtraders.com.

Stivala sostna li l-Assoċjazzjoni mhux qed titlob li tiżdied il-burokrazija iżda stqarr li f’ċertu setturi għandu jiġi żgurat li tkun rikjesta liċenzja fost oħrajn għal kuntratturi…għaliex kif inhi s-sitwazzjoni kulħadd jista’ jixtri l-makkinarju illum…u jibda jwaqqa’ u jibni mill-għada.

Michael Stivala saħaq li dan mhux aċċettabbli fuq il-ġirien ta’ siti ta’ kostruzzjoni. Huwa insista li l-konsumatur għandu jkun protett …. u grazzi għal din il-kollaborazzjoni huwa proprju ċ-ċittadin l-aktar li se jkun qed igawdi.

L-MDA se tkun qed tħeġġeġ lill-membri tagħha, li issa tista’ tgħid ġejjin mill-ispectrum sħiħ tas-settur, sabiex jivverifikaw ma’ min jaħdmu ma’ dan is-sit sabiex il-konsumatur ikun moqdi b’mod professjonali.

Indirizzat il-konferenza Lauren Rampley minn Check Your Traders fejn saħqet li sfortunatament f’din l-industrija huma dawk li ma jimxewx bis-sew li jagħmlu ħoss u mhux dawk ta’ rieda tajba…li huma bil-qabda aktar.

Hija saħqet li grazzi għal din il-kollaborazzjoni se jkun qed jiġi żgurat aktar li l-konsumatur jingħata valur serju għal dak li jħallas…kif ukoll serħan il-moħħ.