Lokali Qorti

Somalu mixli li wettaq straġi fix-Xatt tal-Mollijiet fil-Marsa

Somalu ta’ 39 sena, residenti Ħal-Luqa ġie mixli quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li matul il-jiem tas-27 u t-28 ta’ Diċembru li għadda wettaq straġi fix-Xatt tal-Mollijiet fil-Marsa billi wettaq ħsara fuq karozza għad-dannu ta’ avukat u persuna mis-Somalja.

Abukar Hassan Osman ġie mixli li wettaq ħsara fuq il-karozza li hija ta’ aktar minn 250 ewro imma anqas minn 2,500 ewro. Huwa ġie mixli wkoll nġurja lil wieħed mill-vittmi tal-karozza, li huwa s-Somalu u li hedded tliet persuni oħra u li ħareġ barra l-limiti tal-provokazzjoni.

Ġie mixli wkoll li ħebb għal tliet persuni, żewġ Somali u Malti u li fil-konfront ta’ tnejn minnhom waddab ukoll il-ġebel fosthom lejn bjut u twieqi filwaqt li dejjaq persuni billi ħabbat il-biebin tan-nies.

Osman ġie mixli wkoll li kiser il-mistrieħ tan-nies waqt il-lejl. L-Avukat David Bonello li deher għall-imputat għamel talba għall-ħelsien mill-arrest liema talba sabet l-oppożizzjoni tal-Ispettur Ian Vella li qal li minkejja li l-akkużat qal lill-Pulizija li għandu indirizz fiss, meta marru fil-post irriżulta li ma jgħix hemm u li fil-post kien hemm in-nies. Tenna li l-akkużat normalment jorqod barra.

Il-Qorti talbet l-opinjoni tal-Avukat tal-parte civile Joe Brincat li qal li huwa jaf li l-akkużat għandu xi problemi ta’ saħħa mentali u għalhekk dan għandu jintbagħat fit-Taqsima Forensika tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, liema talba kienet milqugħha milll-Qorti.