Futbol Sport

Da Paixao Alves jagħti rebħa lil Birkirkara b’għaxar plejers

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

FLORIANA…………….1

BIRKIRKARA………..2

Floriana: G. Kitanov, A. M. Overend (J. Scicluna 89’), O. El Hasni, Z. Cassar, M. Veselji (A. Ciolacu 75’), K. Reid, J. Arias, M. Garcia (J. Busuttil 58’), L. De Grazia, L. Trillo (A. Garcia 75;), E. Callegari

Birkirkara: G. Nava, E. Pepe, O. Iiorio (D. Pires 82’), E. Pepe, Y. Yankam, P. Mbong (K. Zammit 61’), M. Fedele (A. Da Paixao 61’), C. Attard, E. Cabrera (J. Valletta 82’), S. Zibo, A. Coppola, K. Tulimieri

Imwissija: M. Garcia 37’, K. Reid 38’, O. El Hasni 75’ (F), A. Coppola 45+2’, K. Tulimieri 45+5’, E. Cabrera 62’ (B)

Tkeċċa: K. Tulimieri 51’ (B)

Skorja: O. El Hasni 70’ (F), E. Cabrera 73’, A. Da Paixao 88’ (B)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Duncan Sultana u James Muscat

Il-Mument Plejer tal-logħba: Enzo Cabrera (Birkirkara)

BOV Plejer tal-Logħba: Kemar Reid (Floriana)

F’partita li ħadet il-ħajja fit-tieni taqsima, Birkirkara għelbu lil Floriana 2-1 b’gowl fit-88 minuta mis-sostitut Alex Da Paixao Alves. Ta’ min jgħid li Birkirkara lagħbu kważi taqsima sħiħa bi plejer inqas wara li fil-51 minuta tkeċċa għalihom Kevin Tulimieri.

Wara sitt minuti kienu Floriana li ħolqu l-ewwel periklu meta minn kross fil-baxx ta’ Garcia, minn taħt il-lasta Kemar Reid ra x-xutt tiegħu jkun imdawwar f’korner minn Nava.

Fl-20 minuta Birkirkara fuq l-attakk, Paul Mbong jitfa’ kross fil-kaxxa lejn Tulimieri li bir-ras niżżel lejn Cabrera, iżda dan tal-aħħar għal ftit ma’ laħaqx il-ballun u naqas milli jitfa’ ġewwa b’lasta vojta.

Floriana għal darb’oħra perikolużi fil-25 minuta meta minn azzjoni personali Kemar Reid prova xutt minn tliet kwarti tal-ground li għadda ftit barra, b’Nava deher megħlub.

Cabrera reġa prova fil-41 minuta b’daqqa ta’ ras li marret għoli minn kross ta’ Iorio. L-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima baqa’ ma nbidilx biż-żewġ timijiet jidħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr gowls.

Birkirkara kellhom bidu mill-awqa fit-tieni taqsima fejn fl-ewwel żewġ minuti kellhom ballun mal-lasta minn wara xutt ta’ Cabrera filwaqt li x-xutt minn barra ta’ Iorio kien imdawwar f’korner minn Kitanov.

Fil-51 minuta Birkirkara jieħdu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw b’għaxar plejers wara li Kevin Tulimieri ngħata t-tieni karta safra foul fuq Garcia.

Fil-65 minuta Birkirkara fuq l-attakk minkejja li bi plejer inqas, bis-sostitut Da Paixao jaqbeż difensur u jitfa’ kross insidjuż fil-baxx, b’Kitanov ikollu jintervjeni qabel ma laħaq Cabrera li kien f’qagħda ideali.

Fis-70 minuta Floriana jmorru fil-vantaġġ. Kien kross ta’ Lorenzo De Grazia li forsi b’xi ftit nuqqas mid-difiża Karkariża wasal għan Oualid El Hasni li b’lasta vojta tefa’ ġewwa.

Floriana ma tantx damu jgawdu l-vantaġġ hekk kif tliet minuti wara Enzo Cabrera skorja gowl kapolavur meta bil-ballun jaqbeż quddiemu prova xutt minn tarf il-kaxxa li spiċċa fir-rokna tax-xibka, b’Kitanov megħlub għal kollox.

Bil-partita li deheret li ser tispiċċa fi draw ta’ 1-1, fit-88 minuta Alex Da Paixao Alves kellu pjanijiet oħra hekk kif wara li qabad ballun minn tliet kwarti tal-pitch, minn tarf il-kaxxa ttanta xortieħ u bil-ballun devjat minn difensur Furjaniż, ħasad għal kollox lil Kitanov u baqa’ dieħel fix-xibka.

Minkejja l-isforzi fl-aħħar minuti minn Floriana, kienu Birkirkara li ħadu tliet punti importanti fil-ġlieda għal post fil-kompetizjonijiet Ewropej.

Plejers u diriġenti ta’ Birkirkara jiċċelebraw il-gowl tar-rebħa fl-aħħar ħinijiet tal-partita (Ritratt: Joseph Galea)