Grupp ta’ Maltin kmieni is-Sibt filgħodu bdew bi triqthom lejn l-Etiopja sabiex jiftħu l-iskola msemmija għal Rebecca Zammit Lupi, Karl Pace u Jonathan Chetcuti.
F’post fuq il-midja soċjali Darrin Zammit Lupi; missier Rebecca kiteb li din hija xi ħaġa li tinħass surreali fejn irringrazzja lil dawk kollha li taw l-għajnuna tagħhom sabiex din tkun possibbli. Barra minn hekk, huwa sostna li grazzi għal dan il-proġett il-memorja ta’ bintu mhu se tintesa qatt.
F’dan il-proġett se tkun inawgurata skola primarja u sekondarja kif ukoll faċilita’ rikreattiva fl-Etiopja sabiex it-tfal li jinsabu hemmhekk ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-edukazzjoni; xi ħaga li hija ta’ privileġġ kbir għalihom.
Dan il-proġett huwa mmexxi mis-Sigma Foundation filwaqt li l-flus biex inbniet l-iskola nġabru mill-Camino.
Rebecca Zammit Lupi tilfet il-battalja mal-kanċer f’Jannar tal-2021, propju ftit aktar minn sentejn ilu fl-eta’ ta’ 15-il sena. Hija kellha ħafna għal qalbha il-fotografija.
Jonathan Chetcuti tilef il-battalja kontra l-marda li kellu ftit aktar minn sena u nofs ilu fl-eta’ ta’ 41 sena. Huwa kien magħruf għall-karriera li kellu fil-volleyball…sport li kien verament għal qalbu. Jonthan kien miżewweġ u kellu tifel.
Karl Pace tilef ħajtu wara li qatta’ xahrejn fil-kura intensiva hekk kif id-dgħajsa li kien fuqha nħakmet minn nirien. Huwa miet kważi tliet snin ilu fl-eta’ ta’ 34 sena.
Dawn it-tliet persuni se jibqgħu mfakkra għad-determinazzjoni li kellhom sabiex jippruvaw jegħlbu l-isfidi li affaċċjaw. Huma kienu jgħixu kull ġurnata daqs li kieku kienet l-aħħar ġurnata għalihom.
//= $special ?>