Għaddew kważi 18-il sena u l-każ tad-delitt ta’ Sion Grech baqa’ mhux solvut. Każ li fl-2005 kien ixxokkja nazzjon… każ li dam das-snin kollha biex jinstema’ u xorta waħda baqa’ mhux konkluż hekk kif għadha ma saritx ġustizzja ma’ dawk li kienu responsabbli għal dan il-qtil makabru.
Wara ġuri li dam għaddej għaxart ijiem il-ġurati sabu lil Libjan Habesh Ismael mhux ħati b’7 voti kontra 2 filwaqt li t-Tuneżin Mahouachi Faical ukoll ma nstabx ħati bi 8 voti kontra 1.
Il-katavru ta’ Sion Grech kien instab f’għalqa fil-Marsa fit-13 ta’ April tal-2005, madwar ġimgħa wara li nqatlet. Hija nstabet maqtula bi 17-il daqqa ta sikkina, fosthom f’sidirha, moħħha u f’għonqha.
Dan il-ġuri ħa żvolta differenti meta kien hemm xhieda kunflinġenti f’dak li qalet ix-xhud prinċipali f’dan il-każ Jacqueline Rapinett. L-avukat Edward Gatt li kien qed jirrappreżenta lil wieħed mill-akkużati, fil-Qorti kien iddeskriva bħala farsa l-fatt li l-Pulizija bi żball qerdu l-ittra anonima li fiha kien hemm l-informazzjoni dwar Rapinett.
Fil-Qorti kien konfermat li Sion inqatlet f’post …biex imbagħad il-ġisem bla ħajja tagħha kien twaddab f’għalqa fil-Marsa fejn instab madwar ġimgħa wara li nqatlet.
L-Avukat Simon Micallef Stafrace li kien qed jirrappreżenta lit-Tunezin qal li filwaqt li saret ġustizzja ma’ Faical, saħaq li għadha trid issir ġustizzja ma’ Sion Grech u jinstabu l-vera qattiela ta’ dan id-delitt ikrah. It-Tuneżin kien ilu madwar 10 snin arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin peress li qatt ma kien ingħata l-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ dan il-każ.
Malli nqara l-verdett, fl-awla kien hemm kommossjoni kbira, b’rapporti jindikaw li kien hemm min ġabar flus għal-Libjan sabiex wara dawn is-snin kollha jkun jista’ jqatta’ lejl f’lukanda bħala raġel liberu.
Wara dan il-verdett, għadu mhux ċar jekk hux se jkun hemm proċeduri legali oħrajn minn naħa tal-Avukat Ġenerali. Dan hekk kif għadu misteru min kien involut f’dan id-delitt li fih inqatlet Sion Grech. U wara 18-il sena…għad trid issir ġustizzja.
//= $special ?>