Lokali

IL-LIĠI TAL-ABORT: Xahrejn ta’ konfużjoni u kontroversja

Għaddew preċiżament xahrejn…. Xahrejn ta’ konfużjoni totali… xahrejn illi matulhom kulħadd prova jifhem fejn se twassal l-emenda li qed jimbotta l-Gvern li se twitti t-triq biex jidħol l-abort f’pajjiżna.

Il-Gvern ta’ Robert Abela fl-aħħar ġimgħat baqa’ stinat li jdaħħal din l-emenda illi t-tobba, l-infermieri u l-psikologi sejħula liġi li se tiftaħ il-bieb beraħ għal prattiċi ta’ abort.

L-emenda, fil-fatt, sabet oppożizzjoni kbira minn bosta għaqdiet, professjonisti mediċi kif ukoll persuni distinti fosthom il-President ta’ Malta George Vella u l-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca.

Bl-Assoċazzjoni tat-tobba tgħid li din l-emenda se twassal biex jikbru l-problemi għall-professjonisti medici għax il-kliem ta’ din il-liġi huma wisq vagi.

L-organizzazzjoni li huma favur l-għażla qed jappellaw lill-Gvern biex ikun hemm dibattitu xjentifiku dwar l-abort… hekk kif anke huma qed jirreferu għal din l-emenda fil-liġi bħala waħda li se tintroduċi l-abort f’pajjiżna.

Emenda li wkoll waslet għall-kritika mill-eks Deputat Mexxej Laburista Joe Brincat, mill-eks Deputat Laburista Luciano Busuttil u mill-eks Ministru Evarist Bartolo… fejn kollha wasslu t-tħassib tagħhom għall-mod kif il-Gvern Laburista qed jaġixxi fir-rigward ta’ dan is-suġġett tant sensittiv.

Il-Partit Nazzjonalista matul dawn ix-xhur żamm pożizzjoni ċara kontra l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna tant li ftit tal-jiem ilu organizza laqgħa pubblika bit-tema ‘Iva, favur mil-ħajja’ li matulha kompla jisma’ lill-esperti mediċi  u professjonisti f’dan is-settur biex ipoġġi l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox. Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jgħid li se jibqa’ kommess li jħares il-ħajja mil-bidu sat-tmiem naturali tagħha.

Sa issa, din il-liġi tinsab fi stadju ta’ Kumitat, bil-Gvern ta’ Robert Abela għadu qed ikaxkar saqajh tant li għadu ma ppreżentax lill-Oppożizzjoni is-suppost tibdil fil-kliem ta’ din l-emenda.