Lokali

Mijiet ta’ nies attendew il-velja sabiex isellmu l-memorja ta’ Pelin Kaya

Xena mill-aktar emozzjonanti….xena ta’ qsim il-qalb. Nies imbikkmin u nies jgħannqu lil xulxin.

Din kienet l-atmosfera li ddominat il-velja li saret il-Ġimgħa filgħaxija fil-Gżira, propju fil-post fejn ittajret u nqatlet Pelin Kaya – eżatt fil-jum li fih iċċelebrat għeluq it-30 sena tagħha.

Fil-ħin tal-inċident Pelin kienet miexja lura lejn ir-residenza tagħha wara li kellha festin żgħir ma sħabha sabiex tiċċelebra għeluq sninha. Infatti waqt din il-velja l-qraba tagħha ġabu l-kejk li kienet qasmet Pelin ftit tas-sigħat qabel inqatlet.

Folla kbira ta’ nies attendiet għal din il-velja fil-Gżira sabiex isellmu l-memorja ta’ Pelin Kaya li ġiet deskritta bħala persuna li kienet tħobb tgawdi l-ħajja, li dejjem kienet bi tbissima fuq wiċċha iżda fuq kollox kienet tħobb ħafna lil Malta tant li kienet qed twettaq il-ħolm kollu tagħha hawnhekk.

Waqt din il-velja kien hemm preżenti fost l-oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u martu AnnMarie Grech kif ukoll is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino.

F’kummenti lill-ġurnalisti l-qraba ta’ Pelin Kaya insistew li jridu ġustizzja totali għaliex jafu li dan ma kienx inċident. Huma sostnew li Pelin telqet minn din id-dinja kmieni wisq u li ħalliet ferita kbira f’qalbhom.

Huma tkellmu dwar kemm Pelin kienet għal qalbha f’Malta tant illi kienet preparata li tibqa’ tgħix f’pajjiżna. Huma qalu li għalkemm il-katavru tagħha se jkun midfun it-Turkija, ruħha se tibqa’ f’Malta.

Il-qraba ta’ Pelin Kaya sostnew li se jħallu f’idejn il-ġustizzja Maltija sabiex min qatilha jieħu dak li ħaqqu.

Dwar dan il-każ tressaq il-Qorti Jeremie Camilleri ta’ 33 sena illi wieġeb mhux ħati għall-akkużi. Camilleri inżamm arrestat.