Lokali

Persuni mhux magħrufa jwettqu serqa mill-Każin La Valette fil-Belt

Il-lejl li għadda seħħet serqa mill-Każin La Valette fil-Belt Valletta. Persuni li tkellmu ma’ Net News qalulna li x’aktarx is-serqa seħħet matul is-sigħat bikrin ta’ dalgħodu.

Jidher li persuna jew persuni mhux magħrufa serqu ammont ta’ flus kemm mill-bar tal-Każin kif ukoll mill-banka tal-lottu li tinsab fl-istess stabiliment.

Persuni li dalgħodu kienu fil-post spjegawlna kif x’aktarx il-persuni daħlu minn fuq il-bejt min-naħa tal-lukanda li tinsab biswit u kissru xi twieqi. Fil-bar instabet pistola li x’aktarx kienet fil-pussess ta’ dawk li wettqu din is-serqa. Minħabba f’hekk il-banka tal-lottu kif ukoll il-każin kellhom jingħalqu għal ċertu ħin.

Jidher li l-ewwel persuni li ndunaw b’din is-serqa kienu l-ħaddiema li meta marru fil-post għall-ħabta tas-7 ta’ dalgħodu sabu l-bieb ta’ barra imblukat minn ġewwa.

S’issa l-Pulizija għadha għaddejja bit-tfittxijjiet tagħha biex jinstabu l-persuni li wettqu din is-serqa, filwaqt li l-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo ħatret diversi esperti sabiex jgħinuha fl-inkjesta.