Liverpool u Chelsea, li għaddejjin minn staġun ferm iddiżappuntanti, spiċċaw fi dro ta’ bla gowls fl-ewwel logħba tal-programm għal tmiem il-ġimgħa li ntlagħbet f’Anfield Road.
Intant, minkejja li d-dro ma jissodisfax lil dawn iż-żewġ tims li huma neqsin sew mill-forma, Chelsea kienu l-aktar perikolużi għal ħafna ħinijiet– bir-Reds ukoll ikollhom il-ħinijiet tagħhom li madankollu ma kenux biżżejjed għat-tliet punti importanti.
Ir-Reds ta’ Jurgen Klopp, li huma dell tat-tim tas-sena l-oħra u li kienu umiljati ġimgħa ilu (fil-league) minn Brighton and Hove Albion(0-3), dehru indeċiżi sa mill-bidu nett tal-konfront u fit-tielet minuta, Chelsea kellhom gowl imħassar mill-VAR wara li Kai Havertz kien xeħet ġewwa minn taħwida quddiem il-lasta ta’ Alisson.
Il-logħba, imbagħad, qabdet vena pjuttost monotona b’Chelsea juru l-aħjar ideat u b’Liverpool jippruvaw jisfruttaw il-ftit spazji li bdew iħallu l-Blues iżda mingħajr suċċess, biż-żewġ tims jidħlu jistrieħu wara 45 minuta diżappuntanti.
Fit-tieni taqsima, Liverpool kienu xi ftit aktar avventurużi, iżda l-veru periklu beda ġej minn Chelsea wara li daħal jilgħab Mykhailo Mudryk – li l-Blues xtraw mingħand Shakhtor Donestk għal 90 miljun Sterlina – u li mal-ewwel beda jkun uġigħ ta’ ras kbira għad-difiża tar-Reds.
Mudryk, li ma tax minuta kwiet lid-difensur James Milner, mal-ewwel kien perikoluż meta qabeż żewġ difensuri u xxuttja ftit barra u minn dak il-ħin beda jsib l-ispazji li bdew jinfetħu kontinwament meta Liverpool ippruvaw joperaw il-kontra-attakk effettivi.
L-aqwa ċans tat-tieni taqsima ukoll wasal b’mertu ta’ Mudryk li għadda ballun perfett lis-sostitut Chukwuemeka li dam jaħsibha quddiem Alisson, biċ-ċans jisfuma fix-xejn.
Ir-riżultat 0-0 ifisser li Liverpool u Chelsea fadlilhom triq twila biex iħabbtu fuq il-bibien tat-Top Four tal-kampjonat u bħalma indikat din il-logħba nieqsa mill-vera kwalità.
Bournemouth u Nottingham Forest spiċċaw fi dro, 1-1, fil-Vitality Stadium, bis-sostitut Sam Surridge jiċħad liċ-Cherries mill-ewwel rebħa tagħhom fil-league minn Novembru.
Intant, Bournemouth – li jinsabu t-tielet mill-aħħar – fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ meta fit-28 minuta, id-debuttant Dango Ouattara (eks-Leyton Orient) tefa’ kross fil-kaxxa għal Jaidon Anthony li ma żbaljax b’xutt fil-baxx.
Notts Forest minn dak il-ħin bdew jagħfsu lill-avversarji u seba’ minuti mit-tmiem huma kisbu l-punt mistħoqq meta Surridge daħal għall-ballun fil-baxx ta’ Brennan Johnson biex jegħleb lil Neto mill-viċin.
Brighton and Hove Albion jinsabu fis-sitt post tal-klassifika wara dro ieħor diffiċli, 2-2, ma’ Leicester City fil-King Power Stadfium.
Kaoru Mitoma (27) fetaħ l-iskor b’xutt bid-dawwra u għar-raba’ gowl personali f’sitt logħbiet , iżda Marc Albrighton (38), kiseb parità wara li l-gowlkiper Sanchez kien wettaq saves fuq it-tentattivi ta’ Harvey Barnes and Youri Tielemans.
Fit-63 minuta, Barnes kompla għal ġewwa il-header ta’ Luke Thomas għall-vantaġġ tal-Foxes iżda żewġ minuti mit-tmiem, Evan Ferguson – l-attakkant rivelazzjoni tas-Seagulls – kien fil-post eżatt biex isib ix-xibka bir-ras fuq l-assist ta’ Pervis Estupinan.
Southampton għadhom ankrati f’qigħ il-Premier Ingliż wara telfa oħra f’St Mary’s Stadioum – din id-darba kontra Aston Villa, li issa telgħu fil-ħdax il-post tal-klassifika.
Is-Saints jistgħu jħossuhom sfortunati wara li kellhom żewġ ‘gowls’ – wieħed minn Che Adams u l-ieħor minn James Ward-Prowse – imħassrin u fis-77 minuta wasal il-mument deċiżiv tal-logħba meta l-attakkant tal-Villains, Ollie Watkins, skorja l-uniku gowl tal-logħba bir-ras, fuq il-freekick ta’ Douglas Luiz.
Fattur interessanti ta’ din il-logħba kienet is-sospensjoni tal-konfront għal ħames minuti qabel il-mistrieħ meta drone beda jtir fil-baxx minn fuq il-penalty area tas-Saints – u bit-tims ikomplu l-logħob wara intervjenew il-pulizija biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.
Żewġ gowls skurjati fl-ewwel taqsima minn Jarrod Bowen taw ftit tan-nifs lil West Ham United waqt li kkundannaw lil Everton – li jinsabu t-tieni mill-aħħar – għall-ħdax it-telfa fil-Premier League.
Jassisti għall-aħħar kriżi ta’ Everton kien hemm is-sid tal-klabb, Farhad Moshiri, li kien qed jattendi l-ewwel logħba tat-Toffees f’14-il xahar, iżda l-Iranjan ma ġabx ir-risq għat-tim tiegħu tant li Bowen skorja darbtejn fi spazju ta’ seba’ minuti (34 u 41). Dawn il-gowls, intant, servew bħala ‘cushion’ komdu għall-Hammers, li, grazzi għal din ir-rebħa, ħarġu miz-zona l-ħamra u bil-manager David Moyes jieħu ftit tan-nifs.
Everton issa ilhom għaxar logħbiet mingħajr rebħa fil-kompetizzjonijiet kollha u fl-aħħar seba’ logħbiet huma kisbu punt wieħed biss fil-league għall-ispejjeż ta’ Manchester City. Dan minbarra li t-Toffees sofrew ħames telfiet kontra tims li, bħalhom, qegħdin jissieltu biex iżommu posthom fl-ogħla diviżjoni Ingliża.
//= $special ?>