Futbol Internazzjonali

Premier League Ingliż — Newcastle Utd iwaqqfu ‘club record’ ta’ logħob mingħajr telfa

Newcastle United kisbu rekord ġdid għall-klabb wara l-15-il logħba konsekuttiva mingħajr telfa fil-Premier League — iżda din id-darba l-Geordies kellhom jikkuntentaw biss b’punt wieħed minn dro missielet ma’ Crystal Palace (0-0) f’Selhurst Park.

Il-Magpies, li jinsabu t-tielet fil-klassifika, kellhom l-aħjar ċansijiet, bil-gowlkiper ta’ Palace Guaita jiċħad tliet darbiet lil Joelinton; b’Callum Wilson, Sveb Botman u Alexander Isak kollha jfallu l-bersall bit-tentattivi tagħhom.

Madankollu, kien il-gowlkiper Nick Pope, ta’ Newcastle, li wettaq is-save tal-logħba meta, fit-72 minuta, salva b’akrobazija ix-xutt ‘point blank’ minn quddiemnu ta’ Jean-Philippe Mateta biex salva dan il-punt għall-Geordies.

Newcastle issa għandhom żvantaġġ ta’ tmien punti mal-liders tal-klassifika Arsenal u meta huma lagħbu żewġ logħbiet aktar mill-Gunners.

Min-naħa tagħhom, Crystal Palace għadhom ma rebħux darba mill-bidu tas-sena iżda dan il-punt — it-tieni wieħed mirbuħ kontra tims lejn in-naħa ta’ fuq tal-klassifika  — qed jindika titjib notevoli u wara li l-Eagles, nhar il-Ħamis, kienu żammew lil Manchester United fi dro ta’ 1-1, f’Selhurst Park.