Lokali

Grupp minorenni attakkat fil-Belt Valletta – wieħed fosthom isofri ksur f’riġlejh

Il-Pulizija għaddejja bi tfittxija ta’ grupp żgħażagħ wara li allegatament ħebbew għal grupp minorenni fil-Belt Valletta…b’wieħed mill-vittmi saħansitra jispiċċa b’sieq miksura.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10 tas-Sibt filgħaxija fi Triq Merkanti fil-Belt Valletta meta mill-ewwel indikazzjonijiet seħħ argument mhux provokat bejn grupp żgħażagħ u grupp ieħor minorenni bil-konsegwenza li dawn tal-aħħar ġarbu xi ġrieħi.

Filwaqt li l-grupp l-ieħor ħarab minn fuq il-post, ġie msejjaħ minnufih tim mediku tal-ambulanzi li ħa żagħżugħ ta’ 15-il sena l-Isptar Mater Dei għal aktar kura hekk kif ġarrab xi ksur f’riġlejh.

Il-Pulizija appellat lill-pubbliku sabiex kull min għandu xi informazzjoni dwar il-każ għandu jinformaha minnufih – dan filwaqt li għaddejja bl-investigazzjonijiet kollha meħtieġa.