Futbol Sport

Gżira jergħu jitilgħu fit-tieni post b’rebħa fuq Marsaxlokk

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

MARSAXLOKK……..0

GŻIRA U………………..3

Marsaxlokk: M. Drognjak, A. Attard (P. P. Sammut 77’), K. Keqi, P. Xuereb, S. Ferarris (W. De Sousa 82’), J, C. Aguillar, O. Carniello, L. Aguirre, R. Scicluna, D. Vukovic (E. Vella 56’), T. Fonseca

Gżira U: D. Zarkov, G. Bohrer, L. Tabone, S. Pisani, Z. Scerri (N. Muscat 73’), M. Dias (A. Borg 82’), L. Riascos (J. Mendoza 73’), T. Kolega, M. Cosic, M. Maia (I. Ellul 89’), J. De Assis (L. Ribeiro 73’)

Imwissija: S. Ferraris 3’ (M). L. Riascos 38’. M. Cosic 45’ (G)

Skorjaw: J. De Assis 46’, M. Maia 49’, G. Bohrer 69’ (G)

Referee: M. Spiteri

Assistenti Referees: Roberto Vella u Shaun Calleja

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Maxuell Maia (Gżira United)

BOV Plejer tal-logħba: Maxuell Maia (Gżira United)

Gżira United irritornaw għar-rebħ fil-kampjonat meta f’partita li ħadet il-ħajja fit-tieni taqsima, huma għelbu lil Marsaxlokk 3-0 biex reġgħu sabu posthom fit-tieni post tal-klassifika. Għal Marsaxlokk din kienet ir-raba’ telfa konsekuttiva fil-kampjonat biex issa jinsabu biss sitt punti fuq Santa Lucia li jinsabu fil-pożizzjoni play-off.

Wara 11-il minuta Marsaxlokk bl-ewwel xutt lejn il-lasti meta l-ewwel kien kross  ta’ Agiurre li kien imtajjar minn Cosic, biex Ferraris minn losse ball prova xutt li mar għoli.

Fil-21 minuta l-Maroons ipprotestaw għal penalty għal hands ball ta’ Agiurre iżda Malcolm Spiteri ħalla l-logħob għaddej.

Minuta wara kroos ta’ Dias mil-lemin li sab lil Maia li bir-ras tefa’ barra. Fit-38 minuta Marsaxlokk fuq l-offensiva meta minn kross ta’ Fonseca d-difiża tajret ħażin u ħa l-ballun Peter Xuereb li prova xutt mill-ewwel b’Zarkov jilqa’ f’żewġ tentattivi. Din kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima biż-żewġ timijiet jidħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr gowls.

Gżira ma setax ikollhom bidu aqwa fit-tieni taqsima hekk kif wara biss minuta fetħu l-iskor. Maxuell Maia irċieva ballun fit-tul mingħand Cosic, u wara li avvanza mal-linja, tefa’ kross fil-baxx fejn kien hemm Jefferson De Assis fil-post ideali li minn taħt Zarkov ma żbaljax.

Għaddew biss tliet minuti u l-Maroons jagħmluhom tnejn, fejn żgur li jerfa’ responsabiltà ta’ dan il-gowl Drobnjak li ma rnexxielux iżomm il-ballun minn kross ta’ Dias, bil-ballun jaqa’ f’saqajn Maxuell Maia li kompla għal ġewwa.

Gżira baqgħu l-aħjar tim fil-ground u fis-57 minuta kross mil-isbaħ ta’ Jefferson De Assis lejn Toni Kolega, b’dan tal-aħħar jara x-xutt mill-ewwel tiegħu ikun milqugħ minn Drobnjak.

Marsaxlokk impenjaw lil Zarkov fid-59 minuta meta Aguirre avvanza fil-kaxxa u minn qagħda angolata prova xutt li kien milqugħ parzjalment min Zarkov qabel mad-difiża tajret il-periklu.

Gżira kienu sfortunati li m’għamluhomx tlieta meta minn korner ta’ Steve Pisani, Maxuell Maia ra l-ewwel konklużjoni tiegħu tkun milqugħa minn Drobnjak, bil-ballun jerġa’ jaqa’ f’saqajn il-Brażiljan li din id-darba għamel l-impossibli u minn taħt il-lasta ħabbat il-ballun mal-mimduda.

Madankollu fid-69 minuta wasal it-tielet gowl ta’ Gżira fejn kien Gabriel Bohrer li minn free kick dirett għeleb lil Drobnjak għal skor ta’ 3-0.

Fis-86 minuta kontrattakk veloċi minn Gżira bil-pass fit-tul tas-sostitut Ribeiro li żmarka lil Nikolai Muscat li avvanza u waħdu quddiem Drobnjak ma kkonkludiex bl-aħjar mod possibli bil-goalkeeper Serb jilqa’ tajjeb. L-iskor baqa’ ma nbidilx sat-tisfira finali bi Gżira jieħdu tliet punti meritati li jerġgħu ipoġġuhom fit-tieni post.