Internazzjonali

Il-Brażil: Jitkeċċa l-Kap tal-Armata b’kaġun tal-irvellijet tat-8 ta’ Jannar

Il-President tal-Brażil, Luiz Inácio Lula da Silva, keċċa lill-Ġeneral Julio Cesar de Arruda minn Kap tal-Armata u li kien ilu biss fir-rwol mit-30 ta’ Diċembru – ftit jiem biss wara li kien intemm il-mandat tal-eks President  Jair Bolsonaro.

Il-pass ittieħed wara l-irvellijiet kbar fi Brasilia mis-sostenituri ta’ Bolsonaro li ħarġu jipprotestaw kontra l-amministrazzjoni l-ġdida, fost l-akkużi li Bolsonaro kien vittma ta’ ‘qerq organizzat’ waqt l-elezzjoni presidenzjali tas-sena l-oħra.

Intant, Lula da Silva qed jissuspetta li xi membri tal-qawwiet armati kkooperaw mad-dimostranti biex, dakinhar, jiddistabbilizzaw lis-sede tal-Gvern b’konsegwenzi koroh għall-pajjiż. Fil-fatt, hu diġà keċċa lill-għexieren ta’ fizzjali militari mill-kariga fost il-wiegħdiet li jaċċerta s-sigurtà għall-poplu.

Id-dimostrazzjonijiet kienu saru fit-8 ta’ Jannar meta eluf ta’ sostenituri ta’ Bolsonaro assedjaw il-bini tal-Gvern fi Brasília. Fl-inċidenti li nqalgħu weġġgħu diversi uffiċjali tal-pulizija – bid-dimostranti jivvandalizzaw il-Palazz Presidenzjal, il-bini tal-Kungress u l-Qorti Suprema, b’eluf   jispiċċaw arrestati.

Bħalissa, il-Qorti Suprema tal-Brażil qed tinvestiga l-azzjonijiet ta’ dakinar  u qed tinkludi anki lill-eks President Bolsonaro fl-investigazzjoni.