Il-Mument illum jista’ jiżvela aktar fatti importanti dwar il-ġlieda fil-Każin Laburista tal-Fgura ftit tal-jiem qabel il-Milied meta suppost kienet qed issir attività għal skop ta’ ġbir ta’ fondi b’risq Puttinu Cares.
Illum nistgħu niżvelaw li r-raġel li nqabad jipprova jieħu filmat ta’ xi tfajliet fit-toilet hu fil-fatt impjegat ma’ Transport Malta – jew bil-maqlub! – u stazzjonat fit-Taqsima tal-Ħaddiema tal-Port fil-Marsa.
Ftit taż-żmien ilu – fl-2018-2019 – hu kiemn involut fi skandlu serju meta kien jippermetti u jiffirma biex numru ta’ ħaddiema li jaħdmu fit-Taqsima tal-Port jitħallsu ta’ xogħlijiet li fil-verità qatt ma jkunu saru.
Dan kien ifisser li dawn il-ħaddiema magħżula minnu kienu qed jirċievu ċekk tal-paga b’ammonti ta’ flus żejda. Naturalment għal dawn il-favuri hu kien qiegħed idabbar favuri minn taħt mill-istess ħaddiema! U dawn l-ammonti ta’ flus involuti f’dan l-iskandlu kienu jammontaw għal eluf ta’ ewro!
Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar inkisret billi xi ħadd ħass li kellu jirrapporta dan l-iskandlu lill-Management ta’ Transport Malta u dan ir-raġel – li jgħid li għandu ħafna saħħa – intalab biex joħroġ bil-leave sakemm l-arja tiċċara.
Sussegwentement il-Management ta’ Transport Malta, wara indaġni li għamlet, kienet ordnat li l-ammont ta’ xejn inqas minn €30,000 jitħallsu lura minn dawk kollha li kienu rċevew flejjes ta’ xejn mal-paga tagħhom.
Fil-fatt numru ta’ ħaddiema spiċċaw kellhom jirritornaw dawn il-flejjes billi tfasslet skema li mill-paga tagħhom bdiet tonqsilhom somma kull xahar sakemm Transport Malta titħallas lura l-flus meħduha lilha.
Ġara mbagħad li Transport Malta kienet irrevediet l-ordni tagħha u talbet li l-flus meħudha lilha jitħallsu minnufih f’daqqa. Biex dan l-iskandlu jitgħatta kien hemm Uffiċjal ta’ Transport Malta – allegatament involut ukoll f’dan iċ-ċirku ta’ abbuż serju – li silfu €2.500 biex il-pendenzi jkunu jistgħu jitħallsu minnufih.
Sorsi infurmati li matul din il-ġimgħa tkellmu ma’ Il-Mument qalulna li huma kienu jistennew li dawk kollha involuti f’dan is-serq ta’ flus minn Transport Malta, ikunu pproċessati u kemm-il darba jinstabu ħatja ssir ġustizzja magħhom. “B’mod partikulari dan l-impjegat li messu kellu l-kuntratt tiegħu terminat. Minflok dan il-ħaddiem għadu sal-lum iniżżel ħinijiet twal ta’ sahra… filwaqt li jgħid li jkun qed jaħdem mid-dar għax ma jirrapportax għax-xogħol! Dan hu impjegat li jitlob ħlasijiet għal sahra kemm fost il-ġimgħa u anki fi tmiem il-ġimgħa u dan bi skantament għall-kollegi l-oħra li jafu l-verità x’inhi u li dan hu abbuż sfaċċat… serq ieħor ta’ flus lil Transport Malta bil-Management jaf x’qed jiġri iżda ma jeħux passi!” qalulna s-sorsi infurmati tagħna fi Transport Malta.
Huma komplew li dan il-ħaddiema partikulari jaqla’ aktar minn €40,000 fis-sena! Il-parti l-kbira tagħhom minn sahra li fil-verità ma teżistix.
Sadattant interessanti ħafna kif persuna oħra impjegata wkoll fit-Taqsima tal-Ħaddiema tal-Port u li tmur tajjeb ħafna ma’ dan l-impjegat involut fl-inċident fil-Każin Laburista tal-Fgura, jidhrilha li tista’ tagħmel li trid hi wkoll.
Jirriżulta li din tagħmel ħafna ħinijiet lil hinn mill-Uffiċċju, tagħmel xogħol part-time x’imkien ieħor u ħafna drabi tabbanduna l-Uffiċċju ferm qabel il-ħin filwaqt li l-kollegi tagħha jkollhom jibqgħu hemm sakemm isirilhom il-ħin biex jispiċċaw mix-xogħol.
Għal-lum iżda nieqfu hawn għaliex fi Transport Malta jirriżulta li hemm numru ta’ għanqbud u xbieki ta’ abbuż b’mod imexxi jew ma jafx bihom… jew inkella hu kompliċi fil-ħniżrijiet li qed isiru minn fuq it-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>