Internazzjonali

Il-Peru: Jaħlqu lis-sit ta’ Machu Picchu fost il-protesti kontra l-President

Early morning in wonderful Machu Picchu

L-awtoritajiet Perwani deċidew li jagħqlu lis-sit turistiku famuż ta’ Machu Picchu għal żmien indefinit minħabba l-protesti kbar li għaddejjin bħalissa kontra l-President tal-Peru, Dina Boluarte. Dan ukoll meta qed isiru d-dimostrazzjonijiet tal-massa miċ-ċittadini li qed jinsistu għal elezzjonijiet ġodda u biex Boluarte twarrab mill-poter.

Id-dimostranti jridu li l-eks President tal-Peru, Pedro Castillo – li qed jinżamm il-ħabs fuq akkużi ta’ kumplott biex iqajjem rewwixta – jinħeles minn priġunerija.

Intant, il-Gvern, issa, ikkonferma li għalaq is-sit ta’ Machu Picchu – ċittadella għall-poplu antik tal-Inca li jmur lura għas-seklu ħmistax – flimkien mal-passaġġ li jwassal għal dik iz-zona. L-awtoritajiet spjegaw li l-miżura kienet meħtieġa għall-protezzjoni tat-turisti u ċ-ċittadini u meta fl-aħħar sigħat ‘inħelsu’ mijiet ta’ nies li kienu damu s-sigħat iżolati fil-madwar taċ-ċittadella.

Il-Peru, fl-aħħar jiem, ra diversi protesti vjolenti – fejn inqatlu l-għexieren tan-nies – minħabba t-tkeċċija ta’ Castillo minn President.

Is-servizzi bil-ferrovija għal Machu Picchu issa wkoll spiċċaw sospiżi wara li xi persuni – allegatament dimostranti kontra l-President – wettqu l-ħsarat fil-binarji.

Madankollu, il-Ministru tat-Turiżmu tal-Peru, mr Luis Fernando Helguero, fl-aħħar sigħat ħabbar li n-nies li kienu sabu ruħhom f’diffikultà fl-inħawi ta’ Machu Piccu spiċċaw evakwati permezz tal-ferroviji u x-xarabanks. Dawn in-nies kienu jinkludu 270 residenti fil-Peru u 148 barrani.