Lokali

“Il-Qrati fallewna – Il-qattiel ta’ Sion għadu barra”

“Il-Qorti fallietna – Għadda dan iż-żmien kollu u l-qattiel li qatel kiesaħ u biered lil ħija ħellisa ħafif”

Dan hu dak li qalu Karen Grixti, Rita Borg u Nadine Grech – ħut Sion Grech  li nqatlet fl-eta ta’ 20 sena  f’April tal-2005 bi 17-il daqqa ta’ sikkina, u nstabet ġimgħa wara f’għalqa fil-Marsa.

Hekk kif ġie fi tmiemu l-ġuri b’rabta mal-qtil ta’ Sion Grech – wara 18-il sena ta’ stennija fil-Qorti ż-żewġ akkużati Habesh Ismael u Mahouachi Faical ma nstabux ħatja b’7 voti kontra tnejn u tminn voti kontra wiehed.

Ħut Sion Grech saħqu li kellhom jgħaddu 7 snin minn meta ittieħdet azzjoni u Habesh, l-eks sieħeb tal-vittma, flimkien ma’ Faical ġew akkużati bil-qtil brutali ta’ Grech.

Mhux hekk biss, talli kellhom jgħaddu 10 snin oħra sakemm beda jinstemma l-ġuri fil-Qorti , sabiex wara ġimgħatejn sħaħ ta’ xhieda, il-ġurija ma sabuhomx ħatja tal-qtil.

B’qalbhom maqsuma u b’dispjaċier kbir, ħut Sion Grech qalu li l-familja kollha ta’ Grech stenniet snin twal u fl-aħħar kellhom it-tamà li ssir ġustizzja kemm magħhom kif ukoll mall-pajjiż kollu … iżda is-sistema tal-ġudikatura falliethom.

Huma saħqu li s-sistema ppermettiet lill-avukati jpinġu lil ħuhom bħala “prostituta u persuna dipendenti fuq id-droga” u fl-istess waqt ħelset lill-akkużati b’passat kriminali mill-ħtija.

Ħut Sion Grech urew ir-rabja tagħhon għall-fatt li l-każ dam 18-il sena sħaħ sabiex jingħalaq… apparti l-fatt li l-investigazzjoni b’rabta mal-każ ta’ Grech kien fiha ħafna nuqqasijiet inaċċettabli.

Intant, sa issa għadu mhux ċar jekk wara dan il-verdett hux se jkun hemm proċeduri legali oħrajn minn naħa tal-Avukat Ġenerali.