Internazzjonali

Kalifornja: 10 persuni maqtula fi sparatura waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel tas-Sena Ċiniża

Ritratt: Sky News

Fl-Istati Uniti, f’Kalifornja, tal-anqas għaxar persuni ġew irrappurtati mejta u oħrajn midruba wara sparatura waqt iċ-ċelebrazzjonijiet kbar tal-Ewwel tas-Sena Ċiniża.

L-attakk seħħ f’Monterey Park, belt f’Los Angeles fejn il-biċċa l-kbira tar-residenti huma Asjatiċi, b’filmati fuq il-midja soċjali juru uffiċjali tal-pulizija u membri tal-protezzjoni ċivili jassistu lill-vittmi.

Għexieren ta’ eluf ta’ nies inġabru s-Sibt wara nofsinhar għal festival ta’ jumejn, li huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar fir-reġjun. Skont rapporti, l-isparatura seħħet għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija, alegattament f’danceclub tal-lokal.

Il-pulizija għaddejja bi tfittxija għall-agressur filwaqt li għadu mhux mgħaruf eżattament in-numru ta’ persuni feruti u l-mottiv wara dan l-attakk.