Lokali

“Maltin u Għawdxin..u kull min jgħix fostna għandu dritt għal ħajja diċenti” – Mario de Marco

“Maltin u barranin għandhom dritt għal ħajja diċenti mingħajr inkwiet. Hekk jixraqilhom il-familji Maltin u Għawdxin. Hekk jixraqlu kull min jgħix fostna”.

Sostna dan id-Deputat Parlamentari Nazzjonalista Kelliem għat-Turiżmu, Mario de Marco hekk kif indirizza attività politika fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Tarxien fejn sostna li l-Gżejjer Maltin imsawwrin minn soċjetà li tgħożż il-ħajja, soċjetà li ma tridx tara żagħżugħa maqtula fi ġnien pubbliku, ma tridx tara żagħżugħa maqtula hija u miexja lejn id-dar jew żagħżugħ vittma taħt tiġrif ta’ bini.

Huwa insista li pajjiżna qed iħallas prezz għat-tip ta’ progress li ġab Gvern tal-Labour..progress li qed isir a skapitu tal-umanità.

Mario de Marco stqarr li huwa favur il-ħajja – u għaldaqstant huwa favur id-dinjita tal-bniedem u mhux li ndawwru l-ħaddiem fi skjav..b’impjegati f’kundizzjonijiet ta’ xogħol terribbli.

Huwa saħaq li Gvern Laburista bena mudell ekonomiku bbażżat fuq il-prekarjat.

Dan filwaqt li insista l-Partit Nazzjonalista favur li l-libertà tiġi l-ewwel u qabel kollox…iżda mhux favur il-libertinaġġ.

Huwa temm jgħid li flimkien bħala poplu għandna naħdmu sabiex is-soċjetà terġa ssir ħanina u ġusta.