Lokali Qorti

Mara taħfer lis-sieħeb tagħha wara li akkużatu li stupraha diversi drabi

Il-Ħadd filgħodu, xufier tat-taxi ħareġ liberat wara li l-mara li akkużatu li stupraha u li tinsab tqila bit-tarbija tiegħu, waqqgħet l-akkużi kontrieh.

Il-Maġistrat Rachel Montebello semgħet lill-mara tirtira t-talba tagħha meta msejħa biex tixhed u għalhekk illiberat lir-raġel minn kull akkuża.

Il-Qorti semgħet kif il-pulizija bdiet tinvestiga l-każ meta rċeviet rapport mingħand il-mara Somala fejn sostniet li s-sieħeb tagħha, ukoll mis-Somalja, kien stupraha diversi drabi x-xahar li għadda. Il-mara, li toqgħod fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, marret għand il-pulizija akkumpanjata minn social worker.

Xehdet li t-tnejn iltaqgħu fiċ-ċentru miftuħ tal-Marsa f’Novembru, tkellmu għal ftit u mbagħad iddeċidew li jiltaqgħu.

Huma marru jieklu f’ristorant f’ Marsaxlokk u wara saqu lejn Delimara bil-karozza tiegħu peress li jaħdem bħala xufier tat-taxi. Hija qalet lill-pulizija li r-raġel beda jikkarezzaha iżda qaltlu li ma kinitx interessata qabel ma jiżżewġu.

Qalet li qalilha li jistgħu jiżżewġu wara li jagħmlu s-sess, kif fil-fatt għamlu. Xi tliet ġimgħat wara skopriet li kienet tqila. Hija qalet lir-raġel li issa verament kellhom jiżżewġu, issa li kienet tqila u għalhekk talabha tmur toqgħod miegħu fl-appartament tiegħu f’Birżebbuġa.

Għall-ewwel żewġt iljieli raqdet waħedha iżda mbagħad bdew jorqdu flimkien fis-sodda fejn reġgħu kellhom x’jaqsmu sesswalment. Hija ħarġet mill-appartament wara sitt ijiem.

Il-mara ressqet ir-rapport is-Sibt, xahar mill-aħħar li ltaqgħu f’Diċembru, fejn sostniet li ma kinitx tat il-kunsens tagħha għall-att sesswali u li kienet ġiet stuprata.

Taħt kontro-eżami mill-avukat difensur Franco Debono, il-mara ammettiet li kienet talbet li tissellef it-telefon tiegħu biex iċċempel lil ħabib iżda wara t-telefonata hija fittxet fit-telefon tiegħu u sabet messaġġi mingħand nisa oħra.

Qalet ukoll li riċentament ċemplitlu biex jiġborha mill-isptar.

Wara li wieġeb mhux ħati li stupra lill-mara, il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex tippermetti lill-allegata vittma tixhed peress li kienu ġew infurmati li riedet tirrinunzja għal kollox, anke minħabba l-fatt li hija tqila bit-tarbija tiegħu.

Il-qorti ordnat projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet.

Hija qalet lill-maġistrat li t-tnejn kienu f’relazzjoni on-and-off u li riedet li r-relazzjoni tkompli.

“Irrid ngħix ħajja kuntenta miegħu… Irrid inkun miegħu u mat-tarbija bħala familja. Il-familji tagħna solvew il-kwistjoni u se niżżewġu. Naħfirlu u ninsa dawn il-proċeduri,” xehdet hi permezz ta’ interpretu.

Mistoqsija mill-Qorti jekk beżgħetx li seta’ jiġrilha xi ħaġa oħra ladarba jitwaqqfu l-proċeduri, il-mara wieġbet fin-negattiv.

“Le, ma nibżax minn dan. Ġejt hawn wara li ħsibt f’kollox. Nifhem li ma nistax nerġa’ nqajjem dawn l-allegazzjonijiet,” qalet.

Il-maġistrat interrogat lill-mara biex tiżgura li l-irtirar tagħha mill-akkużi, kien ġenwin u volontarju.

Wara li semgħet lix-xhud tixhed, fejn ħafritlu u qalet li tixtieq li jrabbu lit-tarbija bħala familja u tkompli r-relazzjoni miegħu, il-Maġistrat Montebello ddikjarat il-proċeduri bħala estinti, jiġifieri li r-raġel seta’ joħroġ liberat.

L-avukati Cynthia Tomasuolo u Sean Gabriel Azzopardi mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur tal-Pulizija Joseph Busuttil mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb kienu avukati difensuri.