Jinsisti dwar il-valur tas-solidarjetà u l-ħajja
“Dan huwa partit b’saħħtu u glorjuż, partit li għandu soluzzjonijiet x’jagħti lill-pajjiżna – mhux biss biex jerġa’ jżid l-istandards iżda jagħti lura l-valuri bil-għan li uliedna jkollhom futur li jixraqilhom. Biex il-familji Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jerġgħu jgħixu f’serenità”.
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech il-Ħadd filgħodu meta kien qiegħed jindirizza attività politika fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Tarxien.
Huwa saħaq li issa ilna għal dawn l-aħħar snin nisimgħu kif Gvern tal-Labour daħħal politika tax-xejn m’hu xejn u dak li qed iseħħ madwarna huwa prodott ta’ din il-mentalità.
Bernard Grech sostna li din il-ġimgħa kulħadd ixxokkja ruħu bl-aħbar traġika tal-mewta kiefra ta’ Pelin Kaya, iżda ma nistgħux ninsew ukoll il-mewta taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia li spiċċa mirdum taħt binja li kienet għadha taħt kostruzzjoni.
Huwa saħaq li min jiddiskuti dawn it-traġedji ma jfissirx li qed idawwarhom f’ballun politiku, iżda huma pjagi tas-soċjetà li għandhom jiġu indirizzati.
“Dawn l-imwiet mhux b’kumbinazzjoni. Dan il-Gvern waqqa’ l-istandards tal-bini u kostruzzjoni, tat-toroq tagħna, tal-valur tal-familja, tas-solidarjetà u tal-kwalità tal-ħajja…waqqa’ l-valur li tgħix moħħok mistrieħ u seren”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li l-bniedem jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tal-partit.
B’rabta mal-kwistjoni tal-Kummissarju tal-Istandards, Bernard Grech saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela jrid jagħżel lil min irid hu sabiex jagħmel proprju eżatt kif irid huwa nnifsu.
Dan filwaqt li tkellem dwar is-solidarjetà bejn kull wieħed u waħda minnha, b’Bernard Grech jinsisti li Partit Nazzjonalista dejjem ipprattika politika ta’ wens u solidarjetà sabiex il-bniedem jissaħħaħ.
B’rabta mas-suġġett tal-abort il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li issa kulħadd qiegħed jagħraf il-fatt li Robert Abela jrid idaħħal l-abort f’Malta – dan il-fatt qed jaċċettawh anke nies qrib l-istess Partit tal-Labour..fosthom l-eks Deputat Mexxej tal-Labour Joe Brincat, l-eks Ministru Evarist Bartolo kif ukoll il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca.
Madanakollu saħaq li l-pajjiż għandu bżonn ikun aktar empatiku ma’ persuni li jridu jagħmlu l-abort…għaliex insista li ċertament mhux faċli għal ħadd sabiex jikkontempla aħseb u ara jwettaq dak l-att.
Intant Bernard Grech tkellem dwar diversi realtajiet li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin qed jgħixu fis-silenzju ta’ djarhom…fejn bosta persuni mhux qed ilaħqu sal-aħħar tax-xahar.
“Ma huwa faċli xejn li toqgħod lura milli tiekol sabiex titma lill-uliedek…hawn ġenituri, nanniet u dawk kollha li jieħdu ħsieb lil xi ħadd…li verament qed jiċċaħdu milli jieklu huma għax il-ħajja splodiet”.
Bernard Grech stqarr li huwa minnu li l-prezzijiet mhux f’pajjiżna biss żdiedu…iżda insista li dan il-Gvern għandu jagħti s-soluzzjonijiet u mhux ma jagħmel xejn.
Minflok, kompla jgħid li wara li smajna li kellna budget bla taxxi…issa l-poplu qiegħed jara kollox jiżdied quddiem għajnejh…iħabbat wiċċu ma’ diversi sfidi inkluż tal-mediċini out of stock…għad-detriment tal-anzjani u l-vulnerabbli tagħna.
Huwa temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinvesti fis-saħħa, fin-nies u fil-valuri bħal ma dejjem għamel.