Arsenal, il-liders tal-Premier League, jinsabu b’vantaġġ ta’ ħames punti fuq Manchester City wara rebħa oħra, ‘in-extremis’, 3-2, kontra Manchester United fl-Emirates Stadium. Dan ukoll meta l-Gunners lagħbu logħba anqas mis-Citizens ta’ Pep Guardiola.
Il-logħba kienet waħda mill-aktar konfronti eċċitanti u missielta tal-istaġun, b’United jinżlu għal din il-logħba mingħajr il-midfielder influwenti Casemiro (sospiż) u b’Arsenal iwieġbu bl-aħjar ħdax għad-dispożizzjoni tagħhom ħlief għal Gabriel Jesus li għandu injury fit-tul.
Qabel il-logħba, Manchester City kienu kisbu rebħa faċli fuq Wolves biex żiedu l-pressjoni fuq Arsenal, iżda l-Gunners – minkejja l-isfida qawwija ta’ Man Utd – irnexxielhom isibu gowl fl-aħħar nifs għal tliet punti mill-aktar prezzjużi.
Kienu United li kisbu l-vantaġġ mill-prolifiku Marcus Rashford li għeleb lil Ramsdale b’xutt fil-baxx u preċiż fis-17-il minuta.
Madankollu, Arsenal wieħbu mal-ewwel u kisbu d-dro, seba’ minuti wara, meta Granit Xhaka sab lil Eddie Nketiah żmarkat u li żgiċċa lil Aaron Wan Bissaka biex jixħet ġewwa bir-ras.
Wara l-mistrieħ kien imiss lil Arsenal li jmorru fil-vantaġġ meta Bukayo Saka (53) sab ix-xibka b’xutt minn angolu diffiċli iżda l-vantaġġ dam biss sitt minuti, meta Lisandro Martinez inxteħet minn tulu biex jiskorja bir-ras għat-2-2 u għall-ewwel gowl tiegħu bil-flokk tar-Red Devils.
Fl-aħħar ħinijiet, Arsenal xeħtu kollox fuq l-attakk, b’Saka jolqot sieq il-lasta u bil-gowlkiper ta’ Unitied, de Gea iwettaq save brillanti fuq it-tentattiv ta’ Nketiah.
Iżda fl-aħħar ħinijiet kellu jkun l-istess Nketiah li dawwar ġewwa mill-viċin fuq azzjoni ta’ Trossard għat-3-2 finali, fost iċ-ċelebrazzjonijiet tas-sapporters tal-Gunners.
Manchester City komplew isegwu lil Arsenal b’rebħa tajba, 3-0, fuq Wolverhampton Wanderers fl-Etihad Stadium. Din il-logħba kienet suċċess kbir għall-attakkant Norveġiż Erling Haaland li skorja r-raba’ ħat-trick tal-istaġun għal City waqt li tella l-ammont ta’ gowls personali għal 31 fil-kompetizzjonijiet kollha.
Sadanittant, it-telfa kompliet iżżid il-problemi għal Wolves li jinsabu fi ġlieda qalila biex iżommu posthom mal-kbar u meta huma għandhom l-istess punteġġ (17) bħal Bournemouth, li jinsabu t-tielet mill-aħħar, iżda b’differenza ta’ gowls aħjar miċ-Cherries.
Il-logħba għandha tibqa’ memorabbli għal Haaland peress li ġab fix-xejn lil Wolves fi spazju ta’ 12-il minuta biss – bin-Norveġiż jiftaħ l-iskor bir-ras (40) fuq il-kross ta’ Kevin de Bruyne.
Il-gowl ta spinta lil City li wara l-mistrieħ komplew ikabbru l-iskor b’penalty skurjat mill-istess Haaland (50) wara li l-midfielder ta’ Wolves, Neves, kien waqqa’ lil Ilkay Gundogan fil-kaxxa..
Haaland ma kienx kuntent u erba’ minuti wara, hu kiseb il-hat-trick wara li l-gowlkiper ta’ Wolves, Jose Sa, ta pass żbaljat li Riyad Mahrez interċetta u għadda lill-attakkant Norveġiż biex jixħet ġewwa għat-tielet u l-aħħar darba.
Erling Haaland issa skorja 25 gowl għal City fl-ewwel 20 logħba tal-Premier League biex kiser ir-rekord ta’ Luis Suarez għal Liverpool, fl-istaġun 2013-14. Fil-fatt, il-gowls ta’ Haaland f’dan l-istadju huma ħamsa aktar milli kien irnexxielu jiskorja Suarez għal din il-fażi tal-istaġun.
Leeds United kienu miżmuma fi dro f’darhom (0-0) minn Brentford, bil-Yorkshiremen issa ilhom ma jirbħu fil-kampjonat għal sitt logħbiet.
Minkejja li l-aħjar ċansijiet waslu għand Leeds huma ma setgħux isibu l-gowl importanti, bil-gowlkiper tal-Bees, David Raya, iwettaq numru ta’ saves tajbin biex jaċċerta minn punt ieħor għat-tim tiegħu.
Wilfried Gnonto kellu tentattiv bsalvat b’diffikultà minn Raya u għalkemm Brentford naqsu milli jipproduċu azzjoni perikoluża huma baqgħu dixxiplinati sat-tisfira finali biex jestendu s-sekwenza ta’ logħob mingħajr telfa għal tmienja.
B’dan il-punt, Leeds issa telgħu fil-15-il post tal-Premier League – ftit ‘il fuq miz-zona l-ħamra – bi Brentford jinsabu fit-tmien post tal-klassifika.
//= $special ?>