Ġrajja oħra ta’ diqa u niket mill-Ħabs ta’ Kordin hekk kif priġunier marid bil-kanċer ma ntlaqgħetlux talba li għamel biex ikun jista’ jingħata l-parole ħalli jkompli jservi s-sentenza ta’ priġunerija mid-dar tiegħu u fil-kumpanija diretta tal-għeżież tiegħu.
Dan il-priġunier, ta’ nazzjonalità Taljana, kien sentenzjat piena ta’ priġunerija dwar serq. Fadallu seba’ xhur biss biex jiskonta din is-sentenza għal reat li twettaq għoxrin sena ilu!
Il-Mument tkellem ma’ dan il-priġunier u qalilna li ftit tax-xhur ilu kien ċertifikat li kellu l-marda tal-kanċer u beda jieħu trattamenti u kura għal din il-marda. Saħansitra ftit tal-ġimgħat ilu kien operat fl-Isptar Mater Dei fejn saħansitra tneħħietlu waħda mit-testikoli tiegħu.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju xejn sabiħ, dan il-priġunier għamel talba biex l-aħħar xhur ta’ priġunerija li fadallu – anki invista tal-imġiba korretta tiegħu, li jaħdem u li m’għandux problemi ta’ subordinazzjoni jew nuqqas ta’ dixxiplina – jgħaddihom id-dar qrib l-għeżież tiegħu biex hekk il-kura jkun jista’ jeħodha b’inqas inkonvenjenzi.
Għaliex fil-preżent minħabba din il-marda, hu qiegħed ikollu jidħol l-Isptar Mater Dei kull ġimgħa biex isirulu testijiet tad-demm ħalli l-kundizzjoni tal-ġisem tiegħu tkun monitorjata u barra minhekk ikollu wkoll appuntamenti spissi oħra fl-Isptar Mater Dei għal raġunijiet ta’ monitoraġġ.
Dwar dan kollu l-priġunier, li hu residenti f’Diviżjoni Tnax tal-Ħabs ta’ Kordin, tkellem b’mod ripetut mat-Tabib tal-Isptar Chris Cremona li jifhem is-sitwazzjoni serja li jinsab fiha u li qed jagħtih ħafna appoġġ. Jirriżulta skont ma qalilna l-istess priġunier, li dan it-Tabib fil-fatt ipprova jwassal il-messaġġ lit-Tmexxija tal-Ħabs li post dan il-priġunier fil-kundizzjoni diffiċli li jinsab fiha, mhux post l-Ħabs… aktar u aktar meta fadallu ftit biss xhur oħra ta’ priġunerija x’jiskonta u dawn jista’ jiskontahom minn daru grazzi għas-sistema tal-parole.
Madankollu, u għal raġunijiet mhux magħrufa, it-talbiet li għamel dan il-priġunier biex ikun jista’ jingħata din il-parole, ġew miċħuda mit-Tmexxija tal-Ħabs!
Il-priġunier, li għandu ħamsin sena u li jisgħobbih għar-reat ta’ serq li kien għamel għoxrin sena ilu iżda li baqa’ jkarkar bih snin twal sa ma ngħatatlu s-sentenza, qed jittama li t-Tmexxija tal-Ħabs tifhem iċ-ċirkostanzi li issa spiċċa fihom, tkun umana u tilqagħlu l-applikazzjoni tiegħu għall-parole biex hekk ikun jista’ jkun viċin il-familja tiegħu u jingħata l-kura li jkollu bżonn mingħajr id-diffikultajiet li qed ikollu jiffaċċja bħalissa biex jittieħed u jinġieb lura kull darba mill-Ħabs ta’ Kordin għall-Isptar Mater Dei.
Sadattant sorsi infurmati fil-Ħabs ta’ Kordin li għamilna kuntatt magħhom dwar dan il-każ ikkonfermaw magħna l-mumenti ferm diffiċli li għaddej minnhom bħalissa dan il-priġunier partikulari u qalulna li huma stess ma jistgħux jifhmu kif it-Tmexxija tal-Ħabs tibqa’ inumana quddiem dawn is-sitwazzjonijiet ta’ mard meta priġunier fadallu ftit xhur ħabs x’jiskonta, iżda fl-istess ħin, la jkun ġab ruħu tajjeb, ma tintlaqalu it-talba tiegħu għall-parole biex ikun jista’ jkompli jieħu l-kura minn daru.
“Xejn xejn jinqata’ l-iskariġġ minn u lejn il-Ħabs. Kull darba li jsir trasport bħal dan jiġi jiswa lill-Ħabs mijiet ta’ ewro. Dan kollu jista’ jkun evitat billi l-priġunier jingħata l-parole u jkompli jiskonta s-sentenza minn daru, viċin tal-familjari tiegħu li allura jagħtuh dak kollu li jkollu bżonn f’dawn il-mumenti diffiċli.
“Imma donnu li fil-Ħabs never a dull moment… u l-istejjer koroh bħal dawn m’hemmx li jitwaqqfu,” temm jgħidilna s-sors tagħna fil-Ħabs ta’ Kordin.
Tajjeb li wieħed ifakkar li t-Tmexxija tal-Ħabs ta’ Kordin attwalment hi f’idejn Robert Brincau li fl-aħħar ġimgħat, dwaru, bosta kienu dawk li saħqu li governanza tajba titlob li dan għandu jkun sospiż sakemm jintemmu proċeduri serji fil-konfront tiegħu fil-Qrati Maltin u sadattant jinħatar xi ħadd ieħor minfloku.
Id-Direttur tal-Ħabs Robert Brincau ftit tal-ġimgħat ilu tressaq il-Qorti wara li f’Awwissu li għadda fl-Għadira allegatament hedded sewwieq ta’ ambulanza tal-kumpanija privata Alpha Medical, ikkaġunalu ġrieħi ħfief u ġarr fuqu arma mingħajr liċenzja.
Fil-Qorti wkoll, Robert Brincau kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi mressqa fil-konfront tiegħu.
Fil-Qorti ntqal li Robert Brincau allegatament qal lix-xhud: “Ma tiċċajtax miegħi int!”.
Imbagħad Robert Brincau mar fuqu u tah daqqa ta’ ras
“Tajtu daqqa ta’ ponn u mbagħad ħareġ arma. L-arma kellha ponta tal-fidda u manku iswed. Kien fiha mad-9 mm,” qal il-vittma fil-Qorti.
Dakinhar fil-Qorti, ix-xhud allega li Robert Brincau hedded lilu u lill-familja tiegħu waqt li l-infermiera kienet qiegħda tiffilmja l-argument bejn iż-żewġ partijiet minn ġewwa l-ambulanza.
Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu wieħed japprezza t-titjib li sar minn Robert Brincau kemm ilu jmexxi l-Ħabs ta’ Kordin u filwaqt li jifhem is-sensittivitá li jkollok vacuum fi ħdan t-tmexxija tal-Ħabs, fid-dawl tal-fatt li nbdew proċeduri kontrih, l-awtoritá morali tiegħu ddgħajfet serjament.
Barra minhekk bosta argumentaw ukoll li kemm-il darba Robert Brincau, sakemm għadu għaddej dan il-każ fil-Qrati Maltin ma jkunx sospiż, allura fis-soċjetà jkun qed jintbagħat messaġġ ħażin u perikoluż.
//= $special ?>