Filwaqt li diversi familji Maltin u Għawdxin ma jafux kif se jlaħħqu mal-isfida tal-għoli tal-ħajja b’żieda qawwija fil-preżżijiet, Robert Abela ma lissen ebda kelma rigward dan il-fatt.
Meta kien qed jindirizza attività politika fil-Każin tal-Labour fiż-Żejtun li saret il-Ħadd filgħodu, Abela m’għamel l-ebda referenza għall-mediċini out-of-stock u l-ebda referenza għas-sitwazzjoni diżastruża fl-isptarijiet.
Il-Prim Ministru Robert Abela ma ta l-ebda indikazzjoni kif se jkun qiegħed isolvi l-problema tan-nuqqas ta’ mediċini, in-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa u kif ukoll kif se jindirizza l-problema tal-għoli tal-ħajja. Dan hekk kif kważi 90,000 persuna f’Malta jinsabu f’riskju ta’ faqar.
Fl-istess diskors, huwa ftaħar bil-proġetti tal-Infrastruttura li saru fl-aħħar snin – ironikament fl-istess ġurnata li l-Ministru għat-Trasport u t-Traffiku Aaron Farrugia qal li s-servizz tat-transport mhux ta’ min joqgħod fuqu, kif ukoll fl-isfond tad-dikjarazzjonijiet ta’ Membru Parlamentari Ewropew u eks Mexxej Laburista Alfred Sant – li ddeskriva l-proġett biswit l-ajruport bħala ġbejna.
Meta tkellem dwar l-emenda tal-abort, minkejja li mijiet ta’ tobba, esperti, professjonisti u bosta persuni li ġejjien mill-kamp Laburista insistew li din l-emenda se tintroduċi l-abort f’pajjiżna Robert Abela fid-diskors tiegħu kompla jgħid li b’din il-liġi, mhux se jidħol l-abort f’pajjiżna.
Dan minkejja li saħansitra eks Ministri Laburisti qed jgħidu li l-Labour irid idaħħal l-abort.
Fid-diskors tiegħu, Robert Abela infexx jattakka u jfarfar it-traġedji li saru fl-aħħar jiem fuq l-ġuridikatura minflok ma tkellem dwar dak li qalet l-MHRA hekk kif iddikjarat li teżisti epidemija tal-kokaina fil-pajjiż, filwaqt li qal l-ovvju mingħajr ma ta soluzzjonijiet.
Minflok għażel li jerfa’ nitfa responsabbilità, Abela ddeċieda li jinjora għal kollox id-dikjarazzjoni tal-Maġistrat Joe Mifsud fejn insista li s-soċjetà trid li l-istituzzjonijiet jisimgħu l-karba tal-poplu u mhux jagħtu widen lil min irid ixerred kultura ta’ mewt u qtil.
//= $special ?>