Lokali

Steve Ellul aġevolat mill-PL – jitpoġġa fit-tmun tal-aġenzija Project Green

Miriam Dalli, il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, ħabbret uffiċjalment fil-jiem li għaddew it-twaqqif tal-Aġenzija Project Green li se tkun taqa’ direttament taħt id-dekasteru tagħha u li fit-tmun tagħha tpoġġa Steve Ellul, il-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej li hi prevista li ssir f’Mejju tas-sena 2024.

Dan kollu jikkonferma aħbar li Il-Mument kienet waslet f’Novembru li għadda meta dakinhar konna ħabbarna kif “Lejn il-bidu ta’ kampanja elettorali għall-Elezzjoni tal-Membri Parlamentari Ewropej 2024” kien “Feġġ kunflitt dirett ieħor bejn Robert Abela u Joseph Muscat”.

Mhux biss, iżda l-Ħadd ta’ wara f’Novembru stess Il-Mument kienet żvelat ukoll li: “Ta’ Kastilja se jaġevolaw lil Steve Ellul u jagħtuh it-tmexxija ta’ aġenzija ġdida b’baġit ta’ miljun miljun ewro fis-sena!”

Issa li dan kollu kien konfermat, nistgħu nkomplu niżvelaw kif dawk ta’ Joseph Muscat huma għal kollox infurjati b’dawn il-manuvri li direttament qed iwasslu biex ta’ Kastilja qed jiddominaw kullimkien b’persuni leali lejn Robert Abela, filwaqt li dawk Laburisti li jappartjenu għal fazzjonijiet oħra fi ħdan il-Partit Laburista stess, fosthom dawk leali lejn Joseph Muscat, lejn Chris Fearne u anki lejn Ian Borg qed jitwarrbu minn karigi influwenti u importanti.

Iżda din il-ħatra ta’ Steve Ellul fit-tmun tal-Aġenzija Project Green l-aktar li qed tagħti fastidju hu lil dawk il-kandidati Laburisti li se jikkontestaw l-Elezzjoni ta’ Mejju 2024. Fosthom lill-istess Ewroparlamentari Cyrus Engerer li jaħseb li hu fil-good books ta’ Kastilja tant li fil-kwistjoni tal-abort ħareġ għonqu u saħansitra għamilha ta’ għassies u spija fuq id-Deputati Laburisti dakinhar li ttieħed il-vot fl-istadju tat-Tieni Qari dwar l-emendi mressqa mill-Gven biex l-abort jiddaħħal f’pajjiżna.

L-istess Cyrus Engerer, li qed jippjana li jerġa’ jkollu ismu fuq il-biljett tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni ta’ Mejju 2024, issa qed jistenna ħlas għal dak li għamel flimkien mal-ħabib u kollega tiegħu Randolph de Battista. Dawn qed jistennew li l-magna tal-Partit Laburista – fuq quddiem nett tagħha Daniel Micallef – se tkun qed tippremjah għal dak li għamel s’issa biex iggarantixxa li l-pjan ta’ Robert Abela ma jkollux ostakoli partikulari.

Anki l-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba hu rrabjat għal din il-mossa ta’ Kastilja li taġevola lil Steve Ellul u fil-jiem li għaddew bagħat messaġġ qawwi lit-Tmexxija Laburista fis-sens li anki hu kapaċi jitkellem fil-beraħ dwar kwistjonijiet li fihom il-Gvern Laburista qed jagħmel dak li hu skorrett.

Fost l-oħrajn Alex Agius Saliba din il-ġimgħa ma ddejjaq jimbarazza lil ta’ Kastilja u ngħaqad ma’ għaqdiet ambjentalisti mhux governattivi li qed jopponu milli jkun approvat żvilupp stupidu u bla sens ta’ sensiela ta’ vilel fuq Kemmuna.

L-istess Alex Agius Saliba, b’reazzjoni diretta għall-ħatra ta’ Steve Ellul u l-mod kif qed ikun aġevolat minn ta’ Kastilja, ma ddejjaq xejn li jkun ukoll wieħed mill-ftit politiċi li fil-miftuħ jistqarr: “Inħares ’il quddiem biex filwaqt li nimplimentaw spazji ħodor ġodda, insalvaw spazji ħodor eżistenti. B’mod partikolari qed nirreferi għall-Ġnien tax-Xatt tal-Gżira, pulmun aħdar uniku għall-Ġżirjani li tgħabbew bi żviluppi eċċessivi għal snin twal fil-lokalità tagħhom.

“Inħares ’il quddiem biex applikazzjonijiet għal proġetti stupidi u insensati bħall-bini ta’ bungalows f’Kemmuna, qatt ma jaraw id-dawl tax-xemx għaliex ma nistgħux noħolmu bi spazji ħodor ġodda jekk fl-istess nifs ma nħarsux l-ispazji naturali eżistenti.”

Ma’ dawn jingħaqdu aktar kandidati Laburisti prospettivi għall-Elezzjoni ta’ Mejju 2024, fosthom Clint Flores li għax hu meqjus bħala ta’ Joseph Muscat, qed ikun żvantaġġjat minn dawk f’Kastilja. Saħansitra l-istess Clint Flores anqas biss jibda fl-apparenzi u fil-parteċipazzjonijiet tiegħu fi programmi fuq it-televiżjoni u r-radju għaliex it-Tmexxija tal-Partit Laburista tippreferi timbotta lil Steve Ellul.

Dawk viċin Clint Flores kuntattjati aktar kmieni din il-ġimgħa minn Il-Mument, ikkonfermaw magħna li għalkemm għadu kmieni għall-Elezzjoni ta’ Mejju 2024, iżda kollox jindika li bejn il-kandidati Laburisti stess se jkun hemm aktar minn pika… “qed iġelduna bejnietna u kulħadd se jaqbad triqtu skont kif jaħseb li jkun jaqbillu. Se tkun tellieqa fejn min se fiha se jkun hemm il-kandidati ta’ Robert Abela u l-kandidati mhux ta’ Robert Abela. Dan ma jawgura tajjeb xejn għall-Partt Laburista li għandu l-inkwiet intern tiegħu dejjem ibaqbaq.”