Lokali Qtil Politiku

€3,500 kumpens fuq tkeċċija inġusta: “Każ ċar ta’ abbuż sfrenat ta’ ħaddiema barranin” – It-Tribunal Industrijali

Kaffeterija f’San Ġwann ġiet ordata mit-Tribunal Industrijali biex tagħti kumpens ta’ €3,469.14 lil raġel mill-Maċedonja wara li ġie ddikjarat li mhux biss tkeċċa mix-xogħol b’mod abbużiv iżda li kien qed jaħdem f’kundizzjonijiet li ma jagħmlux ġieħ lil min iħaddem.

It-Tribunal qal fid-deċiżjoni tiegħu li dan hu każ ċar “ta’ sistema li qed tagħti lok għal abbuż sfrenat minn ħaddiema barranin li ma jkunux ġejjin minn pajjiż Ewropew.” Kien b’hekk, li “f’dan it-taħwid ta’ sigħat u nuqqas kbir ta’ apprezzament tal-ħaddiema” kkonkluda t-tkeċċċija bħala inġusta u ordna lill-kumpanija tagħti kumpens lil Petar Angelovski.

It-tribunal ordna lil Coral Cafè biex trodd dan il-kumpens lil Angelovski fi żmien xahar wara li kkonkluda li t-tkeċċija mill-impieg kienet waħda inġusta u li ma tixtraq lil ħadd. Angelovski huwa residenti Malta u wara dak li għadda minn għalih fetaħ kawża fit-Tribunal Industrijali kontra l-istabbiliment Coral Cafe.

Fit-talba tiegħu kien qal li erba’ snin ilu tkeċċa mill-impieg b’mod inġust. Fil-ħanut, huwa kien jaħdem bħala waiter, wara l-bar, jieħu ħsieb il-cash, u spiċċa jiftaħ u jagħlaq il-ħanut skont il-bżonn. Li ġara kien li s-sid temm l-impieg ta’ Angelovski għax fit-12 ta’ Ottubru, 2019 ma marx għax-xogħol fuq każ personali. Għalhekk biex in-negozju ma jbatix bagħat kollega taħdem minfloku.

Sid il-ħanut qal li l-eks impjegat tiegħu “inbidel mil-lejl għan-nhar” u dan malli martu ġabet passaport Bulgaru. Qal, li “beda jagħmel li jrid” għax beda jberren f’moħħu li jiftaħ għal rasu. Fost l-oħrajn, qal li beda jmur tard għax-xogħol, iqatta’ ħin twil fuq il-mobile u jagħlaq il-ħanut kmieni biex wara jmur jaħdem bħala security f’Paceville.

Madankollu s-sentenza tat raġun lil Angelovski twaqqaf minn xogħlu “bl-aktar mod abbużiv” għax ġie mhedded li “jew jidħol għax-xogħol jew jitkeċċa.” Għat-Tribunal, l-istabbiliment m’għandux idea ta’ kif jittratta lill-impjegati. Mill-provi rriżulta wkoll li Angelovski kien jaħdem f’kundizzjonijiiet mhux xierqa.

Fil-fatt lanqas biss teżisti sistema ta’ kif wieħed jieħu l-leave u s-sick leave u li l-ħaddiema lanqas jingħataw payslips. Fuq il-fatt li kien qed ifittex xogħol ieħor, fil-fehma tat-Tribunal, din kienet l-unika ħaġa f’lokha u li bniedem serju kellu jagħmel f’dawn iċ-ċirkostanzi. Għal Angelovski dehret l-Avukat Elaine Degiorgio, filwaqt li l-Avukati Clint Tabone u Paul Borg dehru għall-kumpanija.