Futbol Internazzjonali

Futbol Ingliż: Everton ikeċċu lill-manager Frank Lampard wara sensiela ta’ disfatti

Il-klabb ta’ Merseyside Everton — li jinsabu t-tieni mill-aħħar fil-Premier League Ingliż — keċċew lill-manager Frank Lampard wara li hu kien dam anqas minn sena f’din il-kariga.

Id-deċiżjoni ttieħdet ftit tal-ħin ilu u wara li t-telfa ta’ Everton, nhar is-Sibt, għand West Ham United li kienet anki d-disa’ telfa tat-Toffees fil-Premier League mill-bidu tal-istaġun.

Fil-preżent Everton għandhom biss 15-il punt minn 20 logħba u bl-istess punteġġ bħal Southampton ( l-aħħar tim) iżda b’differenza ta’ gowls aħjar.

Lampard kien ħa post Rafael Benitez bħala manager ta’ Everton f’Jannar tal-2022 u issa t-Toffees qegħdin ifittxu għas-sitt manager permanenti f’ħames snin. Dan meta bħalissa Sean Dyche, l-eks manager ta’ Burnley, qed jissemma bħala l-favorit biex jilħaq minflok l-eks midfielder internazzjonali ta’ Chelsea li kompla jiddiżappunta fir-rwol ta’ manager.

Is-sitwazzjoni għal Everton, intant, hi waħda prekarja għall-aħħar u meta dan il-klabb qatt, fl-istorja, ma tilef postu mal-elit tal-Ingilterra.