Lokali Temp

Ġimgħa sħiħa ta’ xita u kesħa

Jekk xi ħadd fil-bidu ta’ Jannar ħaseb li mhux se jkollna temp Xitwi; arralu bi kbir. U matul din il-ġimgħa l-kesħa se tkun qed tinħass ġmielha!

Fil-fatt, qed ikun imbassar li fil-maġġoranza tas-sebat ijiem il-ġejjin, l-inqas temperatura se tkun ta’ 7 gradi…bir-riħ jitqawwa gradwalment sal-Ħamis li ġej, fejn mistenni jilħaq Forza 6 f’xi waqtiet.

Dan ir-riħ qawwi mill-Grigal li jdur għall-Majistral se jikontribwixxi għal temperaturi aktar baxxi. Bl-għola temperatura din il-ġimgħa mistennija titla’ għal 11-il grad Celcius.

Apparti minn hekk, qed ikunu imbassra diversi maltempati bid-ragħad u ġranet b’ħafna xita sa nhar il-Ħadd li ġej. U allura għal min iħobb ix-Xitwa…temp ideali.

Din il-kesħa hija riżultat tat-temp qalil li qed jiddomina madwar l-Ewropa kollha f’dawn il-jiem. Tant li fl-Italja, l-awtoritajiet ħarġu twissijiet f’diversi Reġjuni biex in-nies isuqu b’attenzjoni.

F’ċertu lokalitajiet, minħabba l-borra u x-xita, anke l-iskejjel inżammu magħluqa. Filwaqt li fil-villaġġi tad-Dolomiti hemm twissijiet ukoll marbuta ma’ possibbiltà ta’ valangi.

Fi Sqallija il-Ħadd ir-riħ tant kien qawwi li kellhom jiġu sospiżi l-vjaġġi kollha bil-baħar lejn il-gżejjer Eolie. Għalkemm it-Tnejn filgħodu, dan it-temp estrem batta xi ftit.