Lokali Parlament

Il-gvern tilef il-kontroll tas-sigurtà fil-pajjiż

Graham Benicni PN

Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal fl-Aġġornament tal-parlament li l-gvern tilef il-kontroll tas-sigurtà fil-pajjż tant li qed iseħħu diversi każi gravi f’setturi differenti.

Graham Bencini qal li l-pajjiż għandu probema ta’ sigurtà fil-pajjiż li m’għadux pajjiż sigur kif kien qabel. Hu kompla li dan hu riżultat ta’ kultura ta’ impunità li daħħal il-gvern li bdiet meta nqatlet Daphne Caruana Galizia.

Hu kompla li f’din il-kultura, ċertu nies ma jinżammux responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom; din hi kultura perikoluża għax qed tidħol fil-livelli kollha tas-soċjetà.

Hu semma’ l-qtil ta’ Paulina Dempska f’Tas-Sliema u qal li hi nqatlet fi ġnien pubbliku fejn kienet stuprata u maqtula. Inqatlet l-omm Bernice Cassar li kienet vittma ta’ vjolenza domestika wara li kienet għamlet diversi rapporti iżda qatt ma ngħatat protezzjoni mill-Istat; vittma ta’ kollass ta’ sistema. Miet ukoll Jeanpaul Sofia li meta kkrollat fuqu binja. L-intruzar fuq l-industrija tal-kostruzzjoni għadu nieqes għaliex kulħadd qed jagħmel li jrid.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li nqatlet Pelin Kaya meta karozza daħlet ġo fiha meta kienet miexja fit-triq; każ li ħasad pajjiż kollu. Il-qattiel kien taħt l-effett tad-droga u l-alkoħol.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li issa seħħ każ fejn grupp ta’ żgħażagħ bejn l-14 u s-16-il sena kienu attakkati fil-Belt bla provokazzjoni. Hu qal li dawn l-erba’ żgħażagħ ma kinux qed ifittxu l-inkwiet iżda marru l-Belt biex jiċċelebraw il-birthday ma’ wieħed minnhom iżda waqt li kienu miexja kienu aggrediti minn grupp ta’ nies.

Graham Bencini kompla li tnejn minn dawn iż-żgħażagħ kienu aggrediti b’daqqiet ta’ ponn u ntefgħu fl-art. Wieħed minnhom spiċċa kisrulu saqajh minn żewġ bnadt tant li kien operat.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li s-sitwazzjoni hi waħda li fiha l-ħaddiema jmorru għax-xogħol u ma jafux jekk hux se jirritornaw id-dar u ċ-ċittadini ma jingħatawx il-protezzjoni li għandhom bżonn.

Il-gvern tilef il-kontroll tal-pajjiż, sostna Graham Bencini, li qal li hu dmir ta’ kull gvern li jassigura li ċ-ċittadini tiegħu huma siguri. Il-gvern irid iwaqqaf il-populiżmu u jagħmel dak kollu meħtieġ biex jassigrua s-sigurtà, sostna Graham Bencini.