Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Il-Polonja ‘għanda l-permess’ biex tibgħat it-tankijiet tal-gwerra lill-Gvern ta’ Kiev

Il-Ministru tal-Ġermanja għall-Affarijiet Barranin, Anna Baerbock, qed tgħid li ‘mhix se tostakola’ lill-Polonja f’każ li dan il-pajjiż jiddeċiedi biex jibgħat it-tankijiet tal-gwerra tat-tip Leopard 2 lejn l-Ukrajna bħala għajnuna militari lill-Gvern tal-President Volodymyr Zelensky.

Għaldaqstant qed jidher li feġġ l-ewwel żblokk għal sitwazzjoni delikata wara li l-Ukrajna talbet kemm-il darba biex il-Punent jipprovdilha t-tankijiet, li huma manifatturati fil-Ġermanja, u li l-uffiċjali fi Kiev jemmnu li għandhom jgħinu lill-Ukreni biex jegħlbu lill-militar Russu f’pajjiżhom.

Intant, il-Ġermanja għadha ma qalitx li se tipprovdi lill-Ukreni bil-vetturi armati u meta għandha liġijiet għall-esportazzjoni li ma jippermettux lill-pajjiżi li kienu xtraw dawn it-tankijiet mingħandha biex jesportawhom lejn iz-zoni tal-konflitt.

Madankollu, il-Ministru Baerbock qalet li għalkemm il-Polonja ma talbitx il-permess tal-Ġermanja biex tibgħat it-tankijiet Leopard lill-Ukrajna, il-Gvern ta’ Berlin mhux se joġġezzjona f’każ li l-awtoritajiet f’Varsavja jieħdu din id-deċiżjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tal-Polonja, Mateusz Morawiecki, qal li l-Gvern tiegħu għandu jitlob l-awtorizzazzjoni minn Berlin waqt li għamilha ċara li l-Polonja se tipprovdi lill-Ukreni b’dawn it-tankijiet ‘bil-permess u anki mingħajru’. Dan ukoll fost indikazzjonijiet li l-Polonja tinsab lesta biex tibgħat mal-15-il tankijiet Leopard lill-Ġermanja.

Filwaqt li l-Gvern Pollakk jinsab sodisfatt dwar il-pożizzjoni ġdida tal-Ġermanja, jixtieq li xorta waħda jisma’ biċ-ċar il-politika ta’ Berlin mingħand il-Kanċillier Ġermaniż  Olaf Scholz, innifsu.

Il-Polonja anki trid li l-Ġermanja u l-Istati alleati oħra tan-NATO jibgħatu t-tankijiet Leopard tagħhom peress li l-kunsinna tat-tankijiet li għandha tibgħat x’aktarx li jkollhom biss effett limitat għas-saħħa militari tal-Ukreni.

Fil-preżent hemm mal-2,000 tank Leopard fiċ-ċirkulazzjoni madwar id-dinja u l-President Zelensky hu fiduċjuż li jekk pajjiżu jingħata mat-300 tank ta’ dan it-tip, l-Ukreni għandhom jegħlbu lill-qawwiet tal-President Russu Vladimir Putin.