Lokali

Il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jwettaq xogħolu mingħajr ma jħares lejn uċuħ – PN

Id-dettalji ġodda li kienu żvelati llum mit-Times of Malta, dwar il-kumpaniji sigrieti li kien hemm rreġistrati fl-Emirati Għarab Magħquda, u li s-sidien tagħhom kienu marbutin mal-proġett tal-Electrogas, ikomplu jikkonfermaw dak li ilna nafu: li l-Power Station il-ġdida u t-tanker tal-gass li tqiegħed f’Marsaxlokk huma monument tal-korruzzjoni.

Fi stqarrija ppubblikata minn Mark Anthony Sammut il-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża, u Darren Carabott ic- Chairperson tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi, qalu li din l-informazzjoni, li nġabret mill-awtoritajiet barranin fl-Emirati Għarab Magħquda, tkompli tgħaqqad l-istampa ma’ dak diġà magħruf, jiġifieri t-transazzjonijiet li għaddew mingħand il-kumpanija tal-aġent tat-tanker u mill-Azerbajġan lejn il-kumpaniji sigrieti ta’ Yorgen Fenech, li kellhom jgħaddu €5,000 kuljum lil Konrad Mizzi u Keith Schembri: informazzjoni li ilha pubblika u magħrufa.

Waħda mir-raġunijiet għaliex f’pajjiżna tirrenja l-liġi tal-ġungla hi s-sens ta’ impunità li għadu jinħass, fejn min jagħmel il-ħażin jibqa’ qatt ma jaffaċċja l-konsegwenzi. Għalkemm għaddew għaxar snin minn meta beda jitwettaq dan kollu, illum kompliet tingħaqad l-istorja.

L-unika aħbar li f’dan l-istadju kulħadd ilu jistenna hi li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà jiftakar li xogħolu hu li jressaq lil dawk involuti quddiem il-Qrati biex issir ġustizzja.

Għal dawn ir-raġunijiet u aktar, il-Partit Nazzjonalista jkompli jistaqsi dwar l-iskandlu tal-Electrogas fil-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet Pubbliċi. U għal dawn ir-raġunijiet ukoll, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jipprova jnessi u jkompli jaħbi dan kollu.