Internazzjonali

Jinstab mejjet l-aggressur responsabbli mill-massakru f’Kalifornja

Fl-aħħar sigħat issoktat it-tfittxija għall-aggressur li biddel Festival Lunari tal-Ewwel tas-Sena li kien qed isir f’belt ta’ Kalifornja f’lejla ta’ terrur, bl-aggressur jinstab mejjet f’vann.

L-ewwel indikazzjonijiet qed jgħidu li Huu Can Tran spara fuqu nnifsu.

Il-Ħadd, ir-raġel kien armat b’machine-gun u qatel għaxar persuni, dan filwaqt li ħalla ‘l fuq minn għaxra oħra midruba. L-inċident seħħ fi studio taż-żfin f’Monterey Park.

L-attakk seħħ meta fil-mument f’dan il-park kien hemm eluf kbar ta’ nies qed jieħdu sehem fl-attivitajiet sinonomi ma’ din il-festa kbira għall-Asjatiċi madwar id-dinja.

Is-servizzi tal-emerġenza li waslu fuq il-post tar-reat sabu xena tat-tkexkix quddiemhom, b’diversi katavri minxurin mal-art u f’għadajjar tad-demm. Il-midruba fl-inħawi ttieħdu b’urġenza lejn l-eqreb sptarijiet fost rapporti li l-kundizzjoni tagħhom kienet tvarja minn stabbli għal waħda kritika.