Futbol Sport

Kampjonat BOV Premier: Rebħiet għall-erbgħa ta’ fuq fis-16-il ġurnata

(Ritratt: Joseph Galea)

Minkejja li lagħbu għal taqsima sħiħa bi player anqas wara li tkeċċa Kevin Tulimieri, Birkirkara dawru telfa f’rebħa kontra Floriana biex kisbu tlett punti importanti li bihom komplew il-ġlieda tagħhom għal post fl-Ewropa. Kienet logħba kumbattuta u missielta fejn f’xi mumenti wkoll saret aggressiva. Għal Birkirkara din kienet ir-raba’ rebħa mill-aħħar ħames logħbiet fejn jidher li t-tim issa qed jiffunzjona sew. Għalihom iddebutta l-ex player ta’ Ħamrun Spartans Matteo Fedele.  Mill-banda l-oħra jkompli l-mument diffċli ta’ Floriana fejn wara l-eliminazzjoni tagħhom mill-Iżibet FA Trophy tilfu wkoll dan il-konfront kontra Birkirkara dan meta kienu gowl minn fuq u b’superjorita numerika. Il-bidu kien kollu tal-Greens iżda aktar ma’ beda jgħaddi ħin l-Istripes daħlu aktar fil-logħba. Iżda meta l-logħba dehret li ser tintemm fi draw wasal il-gowl tas-sostitut Da Paixao biex it-tlett punti marru għand Birkirkara.

Ikomplu jżommu l-kmand tal-klassifika b’distakk ta’ ħdax-il punt Ħamrun Spartans, dan wara li fi tmiem il-ġimgħa huma għelbu lill-ġirien Pietà bl-iskor ta’ 2-1. Kien rebħa mhux faċli għal-Ispartans fejn nazzarda ngħid li kieku l-Hotspurs ħadu punt ma’ kienu jisirqu xejn. Iż-żewġ timijiet kienu ġejjin minn rebħiet u kwalifikazzjoni fl-Izibet FA Trophy, inċidentalment kontra oppożizzjoni Għawdxija. Ħamrun kontra Għajnsielem wara l-ħin barrani u Pieta kontra Xewkija. Ħamrun bdew tajjeb din il-partita fejn bdew jippruvaw jiftħu lid-difiża avversarja. Iżda Pieta żammew sod fejn il-gowlkeeper Cini kien għal darb’oħra attent bejn il-lasti tagħhom. B’hekk Pietà baqgħu ankrati f’qiegħ il-klassifika tal-Kampjonat Premier iżda jaspiraw li bil-progress li wrew fl-aħħar logħbiet jinqalgħu minn hemm. Għal Ħamrun rebħa ta’ rutin fejn issa jmisshom kontra Sirens u jħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu għar-rebħ tad-disa’ kampjonat fl-istorja.

Matthew Guillaumier jittanta xortiħ kontra Pietà Hotspurs (Ritratt: Joseph Galea)

Gżira United ġabu fix-xejn lil Marsaxlokk b’wirja eċċellenti fit-tieni taqsima tal-partita. B’din ir-rebħa l-Maroons baqgħu jżommu t-tieni post tal-klassifika. Fil-fatt kienu x-Xlukkajri l-aktar li kellhom mil-logħob matul l-ewwel taqsima iżda Gżira kellhom ħsibijiet oħra fejn wara li skurjaw żewġ gowls fl-ewwel ħames minuti tat-tieni taqsima qatt ma’ ħarsu lura.  Għal Gżira din kienet id-disa’ rebħa tal-istaġun fejn il-prospetti minn naħa tagħhom jidhru li huma tajbin sabiex jilħqu l-objettiv tagħhom. Mill-banda l-oħra Marsaxlokk baqgħu jokkupaw il-ħdax-il post fil-klassifika fejn iridu jkunu kawti peress li bil-forma ta’ Santa Lucia kapaċi li jispiċċaw jidħlu f’taqtiegħa kontra r-relegation.

Maxuell Maia ta’ Gżira ssikkat minn Peter Xuereb ta’ Marsaxlokk (Ritratt: Joseph Galea)

Hibernians ukoll komplew jippressaw fin-naħa ta’ fuq dan wara li huma għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-0. Din ir-rebħa ma’ kienetx xi waħda faċli għall-Pawlisti fejn huma riedu li jirritornaw għar-rebħ wara t-telfa kontra Ħamrun Spartans. Rebħa li għalihom kienet l-ewwel waħda għal din is-sena. Kellu jkun Jurgen Degabriele li b’gowl f’kull taqsima ta r-rebħa lil Hibernians. Mosta kien mistenni ħafna aktar minnhom f’konfront dirett li kieku rebħuh kien ifisser ħafna. Għalihom iddebutta l-attakkant mill-Kongo Dore filwaqt li Hibernians wettqu xejn anqas minn tlett bidliet mit-telfa kontra l-Ispartans. Dawn tal-aħħar issa jmisshom test iebes kontra Gżira, tim li bħalhom qed jissielet għal post fl-Ewropa. Il-kompitu ta’ Mosta jista jkun ftit aktar faċli peress li jiltaqgħu kontra t-tim tal-qiegħ Pieta Hotspurs.

Justin Haber iwettaq save mill-isbaħ fir-rebħa ta’ 2-0 kontra Mosta (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Balzan komplew bil-mixja pożittiva tagħhom dan wara li huma għelbu lil Gudja United b’gowl uniku skurjat fl-ewwel taqsima minn Mattheus de Sousa Nogureira. Fil-fatt kienet rebħa meritata għat-tim immexxi minn Oliver Spiteri fejn dawn qed jittamaw li jidħlu mat-tlett timijiet ta’ qabilhom sabiex jisfidaw għall-Ewropa wkoll. Gudja naqsu ħafna milli jkunu kreattivi  u kienu ftit ħafna ċ-ċansijiet li ħolqu matul id-disgħin minuta. Kemm fid-difiża naqsu li jkunu organizzati bħas-soltu filwaqt li fl-attakk bdew isibuha diffiċli biex jinfdu lill-avversarji. Għal Balzan din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva li biha komplew jikkonfermaw il-potenzjal tat-tim li beda jilgħab logħob meqjus u bis-sens.

Juan Bolanos ta’ Gudja jipprova jgħaddi bejn żewġ plejers ta’ Balzan (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Santa Lucia kellhom kemm bidu kif ukoll tmiem tal-ħolma fil-logħba tagħhom kontra Żebbuġ Rangers li rebħu bl-iskor ta’ 2-1. Wara biss ftit sekondi huma marru fil-vantaġġ biex ir-Rangers kisbu d-draw fit-tieni taqsima. Kollox kien qed jindika li l-logħba ser tintemm fi draw u b’hekk kollox jibqa l-istess fin-naħa t’isfel tal-klassifika. Iżda s-sostitut Jamie Carbone skorja fil-ħin miżjud biex kiseb rebħa drammatika għat-tim tiegħu. Dan kien it-tieni riżultat pożittiv b’mod konsekuttiv wara li l-ġimgħa li għaddiet is-Saints kisbu rebħa xejn mistennija dan wara li huma eliminaw lil Floriana mill-fażi tal-aħħar tnejn u tletin tal-FA Trophy. B’din ir-rebħa Santa Lucia qabżu lill-istess Żebbuġ fejn issa jinsabu fit-tnax-il post tal-klassifika. Ir-Rangers iridu jibdew jemmnu aktar biex jakkwistaw il-punti li wara kollox huma dawk li jiswew.

Azzjoni mill-partita bejn Żebbuġ u Santa Lucia (Ritratt: Joseph Galea)

INNUTAJNA

LI   Rodnick Abdilla rreżenja minn President ta’ St. George’s FC. Jidher li r-raġuni wara din ir-riżenja hija l-protest ta’ Msida SJ fejn il-klabb Bormliż tilef il-punt li kien inkiseb fil-pitch minħabba l-ineliġibilta ta’ player.  Dan l-inċident effettwa xi ftit lil St George’s fejn anki fi tmiem il-ġimgħa tilfu kontra Kirkop United bl-iskor ta’ 4-1.

LI  matul tmiem din il-ġimgħa r-referees flimkien mal-assistenti ħadu sehem fil-Var introductory course. Id-direttur tekniku tal-IFAB David Elleray mexxa dan il-kors li ser  jgħin lir-referees fuq il-panel tal-FIFA f’aktar għarfien dwar il-VAR.

LI   l-attakkant veteran Timothy Thomas irnexxielu jiskorja l-150 gowl tiegħu bil-flokk ta’ Senglea Athletic. Thomas, li  hu mill-Isla, għandu 37 sena, u skorja wieħed mill-gowls fir-rebħa ta’ 3-0 li Senglea Athletic kellhom kontra Pembroke.