Lokali

Kollox jindika li Robert Abela se jibqa’ jwebbes rasu u jżomm il-kelma ‘saħħa’

Il-Prim Ministru jidher li se jibqa’ jwebbes rasu u huwa kommess li jżomm il-kelma ‘saħħa’ fl-emenda tal-liġi li se twitti t-triq biex jidħol l-abort f’pajjiżna.

It-Tnejn filgħdodu Robert Abela stess ammetta li se jżomm il-kelma ‘saħħa’ minkejja l-kritika dejjem tikber minn bosta esperti mediċi u professjonijiet li jaħdmu fis-settur tas-saħħa. Dan meta irrepeta din il-frażi għal aktar minn darba, biex juri kemm hu kommess li ma jbiddiliex.

Il-Prim Ministru baqa’ jżomm segretezza assoluta dwar is-suppost tibdiliet li mistenni jagħmel il-Gvern f’din l-emenda.

Turija ċara tal-konfużjoni li hemm fi ħdan il-Gvern Laburista hekk kif ftit tal-jiem ilu l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, waqt konferenza tal-aħbarijiet kien ħabbar li l-Gvern ħejja l-bidliet fl-emenda… iżda issa Robert Abela qed jgħid li għadu qed jikkonsulta. Ghalkemm ma min qed jikkonsulta…għadu ħadd ma jaf.

B’Abela ma jgħidx lanqas jekk għamilx konsultazzjoni mal-kolazzjoni favur il-ħajja.

U b’referenza għal dak li qal fil-Qorti l-Maġistrat Joe Mifsud… li f’pajjiżna qed tinżera kultura ta’ mewt, Robert Abela qal b’din il-liġi tal-abort… skont hu…. se jkun qed jipproteġi l-ħajja.

Dan meta anke dawk l-għaqiet li huma favur l-għażla, qalu li din hija emenda li twasal għal abort.

S’issa ħadd għadu ma jaf meta l-Gvern  se jkun qed jippreżenta l-emenda għal-liġi li se tiftaħ it-triq biex ikun introdott l-abort f’pajjizna – liġi li kulma jmur qed tkompli toħloq diversi kritika anke minn esponenti tal-Partit Laburista. Dan hekk kif qed tkompli tikber il-pressjoni biex il-Gvern ikun trasparenti u jgħid x’se jkunu l-bidliet għal-liġi tal-abort.