Lokali

L-istudenti jappellaw favur il-protezzjoni u d-dinjità tal-ħajja umana

“Fl-aħħar sena, Paulina Dembska, Bernice Cassar, Pelin Kaya, Sion Grech u diversi oħrajn sfaw vittmi tas-sistema tal-ġudikatura li naqset milli tipproteġihom u tissalvagwardjalhom ħajjiethom. Din mhix kwistjoni partiġġjana. Irrispettivament mill-lealtà politika, il-protezzjoni u d-dinjità tal-ħajja umana m’għandhom qatt jiġu kompromessi.”

Dan qaluh diversi organizzazzjoniet tal-istudenti mmexxija mill-Kunsill tal-Istudenti Universitarji, meta fi stqarrija li ġiet ppubblikata t-Tnejn filgħodu … ingħaqdu flimkien sabiex isemmgħu leħħinhom hekk kif f’dawn l-aħħar xhur smajna b’diversi traġedji li xxukjaw pajjiż u qajmu tħassib kbir fost il-poplu Malti dwar is-sistema tal-Qrati u l-Korp tal-pulizija..

L-istudenti saħqu li issa aktar minn qatt qabel hemm bżonn li tiġi diskussa r-riforma fis-sistema tal-Pulizija kif ukoll is-sistema tal-ġudikatura.

Fl-istqarrija huma qalu li ħadd ma jistħoqlu jiġi stuprat jew maqtul kiesaħ u biered. Dan minkejja id-diversi rapporti li jkunu saru għand il-pulizija għal xhur sħaħ. L-istudenti  qalu wkoll li hija inaċċetabbli li familja tistenna 18-il sena sabiex forsi isir ġustizzja ma’ qarib  li safa maqtul u mormi f’għalqa fl-2005.

B’appell wieħed, l-istudenti saħqu li jeħtieġ aktar effiċjenza fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, b’aktar riżorsi u mekkaniżmi sabiex il-pulizija jkunu jistgħu jwettqu xogħolhom u jipproteġu lill-vittmi, speċjalment dawk il-persuni li jispiċċaw vittmi ta’ fastidju sesswali, volenza fiżika jew vjolenza psikoloġika.

Huma qalu wkoll li hemm bżonn isir riforma fl-skwadra tal-pulizija li tittratta każijiet ta’ vjolenza domestika biex tipproteġi aħjar lill-vittmi u ssir ġustizzja ma min ikun wettaq ir-reat.

Apparti dan, l-organizzazzjonijiet b’vuċi waħda insistew fuq il-bżonn ta’ żieda ta’ ġudikanti, speċjalment fil-Qorti tal-familja u tal-kriminal, għaliex iż-żieda kbira fin-numru ta’ kawżi tul iż-żmien qed tpoġġi pressjoni kbira fuq in-numru ta’ ġudikanti li hemm bħalissa. L-organizzazzjonijiet innutaw li Malta għandha waħda mill-inqas rati ta’ mħallfin ras għal ras fl-UE, u din l-isfida għandha tiġi indirizzata minnufih.

L-istudenti appellaw lill-Ministri tal-Gvern sabiex jikkunsidraw li jiltaqgħu magħhom u jiddiskutu l-ideat tagħhom sabiex jiġu implimentati riformi eżistenti b’mod aktar effettiv u jintroduċi riformi ulterjuri sabiex jitnaqqas id-dewmien fil-Qrati Maltin.

L-istqarrija tal-KSU kienet approvata minn 22 għaqda tal-istudenti fosthom; ASCS, Betapsi Malta, ELSA Malta, ESO – European Studies Organisation, Għaqda Studenti tat-Teoloġija, GUG, HoASA, ICTSA – ICT Students’ Association, Junior Chamber of Advocates, JEF Malta, KSJC – Kunsill Studenti Junior College, MBSA, MMSA – Malta Medical Students’ Association, Pulse, S-Cubed, SACES, SDM – Studenti Demokristjani Maltin, SĦS – Studenti Ħarsien Soċjali, TDM 2000 Malta, The Third Eye, UESA – University Engineering Students’ Association, UM Rowing, u 15-il rappreżentant tal-istudenti.