Lokali Qorti

Missier ta’ seba’ ulied jibqa’ arrestat mixli li poġġa sikkina ma’ għonq martu

Missier ta’ seba’ itfal li allegatament hedded lil martu billi poġġa sikkina ma’ għonqha nhar il-Ħadd li għadda baqa’ miżmum taħt arrest preventiv wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi kriminali miġjubin kontrih meta tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima.

Isem ir-raġel li qal li jaħdem għal rasu bħala kaħħal u li għandu ta’ 42 sena, ma jistax jissemma biex tiġi protetta l-identità tal-allegata vittma u t-tfal tagħhom. Huwa spiċċa arrestat wara li l-mara rrappurtat li żewġha allegatament poġġa sikkina ma’ griżmejha waqt argument nhar.

L-inċident seħħ ġewwa l-flat ta’ Birkirkara tal-koppja Libjana għall-ħabta tas-2pm. Huwa ġie skortat il-Qorti, mixli li kkaġuna lil martu biża’ mill-vjolenza fir-rigward tagħha, kif ukoll li insulenta u heddidha. L-avukati tiegħu talbu l-libertà proviżorja, bl-argument li l-akkużat jista’ joffri indirizz alternattiv u kellu rabtiet stabbli f’Malta, wara li ilu jgġix Malta għal 24 sena.

Madankollu, it-talba kienet oġġezzjonata bil-qawwa kollha mill-Posekuzzjoni fid-dawl tan-natura serja tal-allegat reat kif ukoll il-fatt li xhieda ċivili, inkluża l-allegata vittma, kienu għad iridu jixhdu. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet fuq il-libertà proviżorja, il-Qorti, ċaħdet it-talba, u żammet lill-akkużat taħt arrest. L-Ispettur Omar Zammit mexxa l-Prosekuzzjoni. L-avukati Franco Debono u Tiziana Micallef kienu l-avukati difensuri.