Lokali Qorti

More Supermarkets ordnata tħallas aktar minn €400,000 lil bank BNF

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Christian Falzon Scerri ordnat lill-kumpanija More Supermarkets li kienet falliet biex tħallas lill-Bank BNF, eks Banif Bank aktar minn €400,000 f’self u servizzi oħra li kien ingħata lill-kumpanija.

Il-Qorti laqħet talba tal-bank fejn ikkundannat lil More Supermarkets (Ħamrun) Limited, Ryan Schembri, Angie Schembri, Etienne Cassar, Nathalie Carmen Cassar, Cassar & Schembri (Marketing) Limited, Panelix Supplies Limited, Imora Holdings Limited, Alexander Polidano, Adrian Aġius, K Consult Limited, Christian Delia u Kurt Camilleri, sabiex iħallsu bejniethom lill-bank attur is-somma totali ta’ €393,209.05, li minnha €343,377.51 huwa kapital u €49,831.54 huma mgħaxijiet.

B’żieda ma’ dan, dawn l-istess id-debituri għandhom iħallsu wkoll bejniethom lill-bank l-imgħax bir-rata ta’ 10% fuq il-kapital ta’ €343,377.51 mill-31 ta’ Diċembru, 2021 sad-data tal-ħlas effettiv. Il-Qorti ordnat ukoll biex prattikament l-ispejjeż kollha marbuta ma’ dawn il-proċeduri, jitħallsu kollha kemm huma minn More Supermarkets (Ħamrun) Limited, Ryan Schembri, u l-persuni kollha ikkundannati bejniethom, għaliex dawn huma l-partijiet telliefa f’din il-kawża.

Self ta’ kważi miljun u nofs ewro
B’rikors maħluf imressaq fid-29 ta’ Mejju, 2015, il-bank qal li l-kumpannija More Supermarkets Limited, li hija klijenta tiegħu, kienet ħadet faċilitajiet bankarji mingħandu għall-ħtiġijiet tan-negozju tagħha. Dawn il-faċilitajiet kienu
jikkonsistu f’business loan ta’ €1,000,000 u f’business overdraft ta’ €500,000 li ġie mogħti lilha permezz ta’ Credit Agreement tad-19 ta’ Novembru, 2012 u żewġ kuntratti pubbliċi separati magħmula fl-atti tan-nutar Joseph Smith La Rosa fit-28 ta’ Novembru, 2012.

Skont il-bank, More Supermarkets kellha tħallsu s-somma ta’ €857,906.29 għal dak li jirrigwarda l-business loan u s-somma ta’ €531,163.82 għal dak li jirrigwarda l-business overdraft. Flimkien, dawn iż-żewġ somom wasslu għat-total ta’ €1,389,070.11. Il-bank attur fisser ukoll li huwa kellu d-dritt jiġbor is-somom imsemmija mingħand il-konvenuti l-oħra fil-kawża għaliex kull wieħed minn dawn kien daħal bħala garanti għall-ammont misluf b’mod solidali flimkien ma’ More Supermarkets.

Peress li Ryan Schembri ma kienx jinsab Malta u lanqas kien hemm ħjiel dwar fejn kien jinsab, b’digriet mogħti fil-11 ta’ Novembru, 2015, il-Qorti ħatret lill-avukat Victor J. Buġeja u lill-prokuratur legali Louisa Tufigno bħala kuraturi sabiex jirrappreżentawh f’din il-kawża.

Il-kumpanija bdiet trodd lura xi ħlasijiet
Wara li l-bank kien għamel perjodu bla tweġina minn naħa tal-kumpanija li kellha dejn miegħu fit-22 ta’ Novembru, 2017, il-bank attur ippreżenta nota li permezz tagħha għarraf lill-Qorti li huwa kien irċieva l-ħlas ta’ €355,000 akkont tal-ammont totali li huwa jgħid li huwa dovut lilu u għalhekk huwa naqqas l-ammont li qiegħed jitlob permezz ta’ din il-kawża minn €1,389,070.11 għal dak ta’ €1,034,070. minbarra l-imgħaxijiet, il-miżati tiegħu u l-ispejjeż legali tal-kawża.

Fis-27 ta’ Frar, 2018, l-ammont imsemmi reġa’ ġie mnaqqas mill-bank għal €711,159.65 minbarra l-imgħaxijiet, il-miżati tiegħu u l-ispejjeż legali tal-kawża wara li huwa rċieva ħlas ta’ €322,910.46. Għal darba oħra, fl-24 ta’ Marzu, 2021, il-bank reġa’ naqqas l-ammont totali li huwa kien qed jitlob li jitħallas għal dak ta’ €358,508.58, minbarra l-imgħaxijiet, il-miżati tiegħu u l-ispejjeż legali tal-kawża, wara li huwa rċieva ħlas ieħor akkont tal-ammont li huwa jgħid li huwa dovut lilu mingħand il-Adrian Aġius, Imora Holdings Limited u Pauline Aġius.

Fis-seduta tal-24 ta’ Settembru, 2021, il-bank iddikjara li m’għadx kien hemm aktar dejn miegħu f’dak li għandu x’jaqsam mal-business loan iżda kien baqa’ biss dejn li huwa marbut mal-business overdraft. Fit-8 ta’ Novembru, 2021, Adrian Aġius u Imora Holdings Limited ippreżentaw nota fejn iddikjaraw li wara li l-bank naqqas l-ammont totali li
qiegħed jitlob f’din il-kawża, huma kienu qegħdin jammettu għat-talbiet kif imressqa mill-bank.

Permezz ta’ nota oħra ppreżentata mill-bank fil-11 ta’ Jannar, 2022, dan iddikjara li l-bilanċ li skontu għadu dovut lilu, kif maħdum sal-31 ta’ Diċembru, 2021 huwa dak ta’ €393,209.05. Dan jikkonsisti f’kapital ta’ €343,377.51 u f’imgħaxijiet fl-ammont ta’ €49,831.54. Minbarra dan, huwa qiegħed jitlob ukoll l-imgħaxijiet u l-miżati li nġemgħu wara dik id-data.
Waqt is-seduta tas-17 ta’ Jannar, 2022, il-ban ċeda t-talbiet tiegħu fil-konfront ta’ Pauline Aġius biss.