Internazzjonali

New Zealand: Il-Prim Ministru ġdid determinat li ‘jipproteġi’ lil familtu mill-abbuż

Il-Prim Ministru ġdid ta’ New Zealand li qed jieħu post Jacinda Ardern ħalef li jipproteġi lil familtu mill-istess tip ta’ ‘abbuż ripunjanti’ li kienet sofriet Ardern hi u tmexxi lil pajjiżha.

Ardern, jiem ilu, ikkonfermat ir-riżenja minn Prim Ministru u sostniet li ma kellhiex aktar enerġija biex tkompli fit-tmexxija. Dan ukoll wara li hi spiċċat suġġetta għal diversi theddid, fejn spikka l-każ ta’ raġel li ħareġ filmat fuq Youtube biex jgħid li kellu ‘id-dritt li jispara għall-Prim Ministru talli ttradiet lil pajjiżha’.

Intant, Chris Hipkins, il-Ministru tal-Edukazzjoni li se jieħu r-riedni ta’ pajjiżu, sostna li kienu biss minoranza ta’ nies li abbużaw lil Ardern u tenna li huma ma jirrappreżentawx il-veru ideali u kriterji tal-poplu fi New Zealand.