Ambjent Lokali

“Pajjiż tal-biki” – Sindku Laburista jgħid li ġie mwarrab

“Irid ikollok qalb u kuxjenza tiswa’ xelin biex tħalli dawn il-massakri ambjentali jiġru”.

Din kienet ir-reazzjoni tas-Sindku Laburista tal-Gżira Conrad Borg Manché meta tkellem dwar il-qerda ambjentali kontinwa li qed tissokta fil-pajjiż.

Fuq Facebook is-Sindku Laburista rreaġixxa għal tqaċċit ta’ ħarruba fejn minflokha issa se jkunu qed jinbnew appartamenti fiz-Zonqor.

Huwa qal li dan il-pajjiż sar tal-biki, u saqsa minn mindu l-ħarrub sar mhux protett.

Is-Sindku Laburista tal-Gżira ppubblika wkoll dak li qalet l-ERA fejn tenniet li m’hemm l-ebda tħassib ambjentali dwar din il-kwistjoni tal-ħarruba.

F’post li tefa’ ftit tal-jiem ilu fuq il-media socjali, Conrad Borg Manché qal li twarrab kompletament mis-settur tal-ambjent f’Awwissu li għadda minħabba li ħa ċertu “pożizzjonijiet” li jemmen li kellu jieħu bħala Sindku.

Fl-istess post fakkar kif fid-diskorsi jissemmew ħafna l-Kunsilli Lokali, u jittama li l-ħidma tal-Kunsilli verament tingħata prijorità ….fejn għamel ukoll referenza għall-pompa tal-petrol li mistennija ssir fil-Ġnien tal-Gżira. 

Jiem ilu s-Sindku Laburista qal li Malta saret qisha carpark wieħed fejn ma nistgħux niċċaqilqu għax neħlu. Huwa insista li nħela wisq biex isir transport tal-massa tajjeb u fil-mument alternattiva m’hawnx.

Is-Sindku Laburista qal li ma jistax jifhem kif ħadd mhu jitkellem fuq din il-problema u li min qed imexxi qed jibqa’ jara sa mnieħru, bil-konsegwenzi qed inbatuhom aħna u l-ġenerazzjonjiet ta’ warajna. Fl-istess post huwa stqarr bla tlaqliq li hawn kaos sħiħ u se nispiċċaw ngħidu addio kollox u nibku dan iż-żmien li ħlejna fejn tħallew dawn il-problemi jibqgħu jippersistu.