Spettaklu fil-Juventus Stadium fejn Juventus u Atalanta qasmu sitt gowls f’logħba mill-iktar entużjażmanti. Għal Juventus din kienet l-ewwel logħba wara s-sentenza u t-tnaqqis ta’ 15-il punt fil-klassifika.
Bidu tajjeb ta’ Atalanta li wara erba’ minuti fetħu l-iskor permezz ta’ Lookman, iżda Juventus dawwru r-riżultat b’penalty ta’ Di Maria u gowl ta’ Milik. Fit-tieni taqsima Maehle u għal darb’oħra Lookman poġġew lill-Bergamaschi minn fuq, iżda fil-65 minuta kien Danilo li għamel l-iskor 3-3.
Fil-logħbiet l-oħra tkompli l-kriżi ta’ Sampdoria li fil-Marassi kienu megħluba minn Udinese 1-0, bil-gowl tal-Friulani jasal lejn it-tmiem permezz ta’ Ehizibue.
Roma komplew javvanzaw fil-klassifika b’rebħa ta’ 2-0 kontra Spezia. Għat-tim immexxi minn Mourinho żewġ gowls fi spazju qasir, wieħed lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima u ieħor fil-bidu tat-tieni waħda. Kien El Shaarawy li fetaħ l-iskor qabel l-intervall u erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima kien Abraham li għalaq il-logħba bit-tieni gowl.
Draw ta’ 1-1 bejn Monza u Sassuolo fejn kienu Sassuolo li fetħu l-iskor wara 13-il minuta permezz ta’ Ferrari iżda mas-siegħa logħob kien Caprari li skorja ġmiel ta’ gowl biex kiseb id-draw.
Riżultati:
Sampdoria v Udinese 0-1
Monza v Sassuolo 1-1
Spezia v Roma 0-2
Juventus v Atalanta 3-3
Illum:
18:30 Bologna v Cremonese
20:45 Inter v Empoli
Għada:
20:45 Lazio v Milan
//= $special ?>