Wara li nqabad jirranġa kuntratt minn taħt għal ristorant f’Palazzo Vilhena fl-Imdina, wara li ħalla lil sieħbu l-Ministru Anton Refalo jżomm oġġett storiku fejn il-pool tad-dar, wara li naqas milli jieħu azzjoni immedjata favur vittma ta’ abbuż sesswali fil-Malta Philarmonic Orchestra u wara li jħalli żviluppi jsiru kontra l-pariri tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, fost oħrajn, għax issa qed iħossu dahru mal-ħajt, il-Ministru Owen Bonnici qed jilgħabha tal-bully maż-żgħir.
Dan kollu għax, bħall-kumplament ta’ sħabu fil-Partit u l-Gvern ta’ Robert Abela, Owen Bonnici qed jibqa’ jaħseb li jista’ jagħmel li jrid, anke billi jdawwar il-fatti dwar ħaddieħor. U għax jaf li qed jagħmel ħażin, issa qed jhedded lill-ħaddiema fl-entitajiet li jaqgħu taħtu għax hemm min, quddiem dan kollu, ma jiflaħx ma jitkellimx.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista jesprimi t-tħassib tiegħu għall-mod kif, b’memo interna mibgħuta mill-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta bil-barka ta’ Owen Bonnici, il-ħaddiema qed ikunu mhedda li għandhom iżommu għalihom biss “kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li tirċievu u li ma tgħadduha lil ħadd aktar”. Jekk ma jagħmlux hekk, se jispiċċaw vittmi ta’ proċeduri dixxiplinarji kontra tagħhom “minħabba mġiba ħażina ħafna”.
Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi x’inhu l-bżonn li tinħareġ dan it-tip ta’ memo. Jekk hux għax il-Ministru jaf li qed jiġru affarijiet li ma jridx lil l-poplu jsir jaf bihom jew għax qed jibża’ li se jerġa’ jinqbad fi skandlu ieħor.
Dan ħareġ minn stqarrija tad-Deputat Nazzjonalista Julie Zahra.
//= $special ?>