Minkejjja li fl-aħħar ġimgħat il-Ministru Chris Fearne prova jgiddeb lil Net News, email interna li waslet għand Net News tikkonferma li l-Isptar qed ibiddel ċerti proċeduri interni minħabba l-imwiet riċenti li kien hemm fil-kurituri tal-emerġenza.
Filfatt ċirkulari li waslet għand Net News tikkonferma iswed fuq l-abjad l-aħbar li kien żvela dan is-sit dwar it-tbatija li qed jgħaddu minnha l-pazjenti li jiddaħlu fl-Emerġenza; ċirkulari illi ħarġet propju ftit tal-jiem biss wara li seħħew żewġ imwiet fil-kurituri tal-istess Emerġenza.
Iċ-ċirkulari ffirmata mill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Celia Falzon tgħid li m’għandu jkun hemm ebda ħela ta’ ħin sakemm il-pazjent ikun trasferit mid-Dipartiment tal-Emerġenza għas-sala – anke meta l-file bir-rekords tal-pazjent ikun għadu mhux disponsibbli fil-ħin tat-trasferiment.
Bosta infermieri, tobba u professjonisti medici kien saħqu ma’ dan l-istazzjon li l-burokrazija żejda li hemm fl-Isptar Mater Dei qiegħda xxekkel il-ħidma impekkabli tal-ħaddiema … partikolarment fl-Emerġenza. Oħrajn insistew li preżentament huwa fatt magħruf li n-nuqqas ta’ impjegati diġà huwa ta’ piż għall-ħaddiema li jaħdmu u jagħtu l-mija fil-mija tagħhom bil-għan li jissalvagwardjaw ħajjet il-pazjenti.
Ftit wara l-aħbar li kien żvela Net News, il-Ministeru tas-Saħħa kien ħareġ stqarrija fejn fiha fl-ebda mument ma’ ċaħad il-fatt li żewġ persuni mietu fil-kuritur tal-Emerġenza tal-Isptar, għajr li ċaħda li dawn il-persuni mietu minħabba proċeduri relatati mal-files tal-pazjenti. Iżda issa b’din iċ-ċirkulari ħareġ b’mod ċar li verament kien hemm cirkustanzi ta’ dewmien biex jaslu l-files tal-pazjenti.
Mistoqsijiet li dan l-istazzjoni kien bagħat lill-Minstru Chris Fearne dwar din is-sitwazzjoni ferm delikata, għadhom sal-lum mhux imwieġba. Dan kollu qed ikompli jitfa’ pressjoni fuq is-sitwazzjoni preżenti fl-Isptar Mater Dei hekk kif fl-aħħar ġimgħat qed ikun hemm kaos sħiħ fid-Dipartiment tal-Emerġenza, b’bosta persuni jgħidu li qed idumu sigħat twal sabiex jinqdew. U bit-tobba u l-infermieri jistqarru maghna li l-Gvern u l-management mhux jaghtu kas il-bżonnijiet tagħhom…u l-pressjoni kbira li qed ikollhom.
//= $special ?>