Lokali

Abela jgħid li ma jafdax lil bintu l-Belt – In-nies jgħidulu li ma jafdawhom imkien

Mhux il-Belt biss mhix sigura..iżda kullimkien. Jien ma nafdax lil binti toħroġ kantuniera bogħod sal-Museum…jien ma nafdax lil ommi toħroġ filgħaxija. Li tiżra taħsad….issa qed jammetti li l-pajjiż falla fis-sigurtà. Ninsab mbeżżgħa għal futur ta’ ibni…..għatina s-soluzzjonijiet.

Dawn huma biss ftit mill-għexieren ta’ kummenti fuq il-midja soċjali wara li matul il-jum tat-Tnejn il-Prim Ministru Robert Abela spiċċa sfurzat jilgħab karta deskritta minn bosta bħala “tas-simpatija” … hekk kif m’għandux soluzzjoni għal vjolenza u l-biża’ li hawn f’ċertu zoni ta’ pajjiżna.

B’reazzjoni għal dak li seħħ is-Sibt filgħaxija fil-Belt Valletta…fejn quddiem in-nies fi Triq il-Merkanti, grupp ta’ minorenni spiċċaw msawwta minn grupp ieħor…Robert Abela sostna li hu ma jafdax lil bintu waħedha l-Belt.

Ammissjoni ta’ falliment totali fejn tidħol is-sigurtà taċ-ċittadini, fejn saħansitra huwa nnifsu jinsab mbeżża’ għas-sigurtà ta’ bintu.

Bosta ġenituri kkumentaw dwar dak li stqarr Robert Abela fejn qabel xejn saħqu li din mhux problema li waqgħet f’ħoġor il-pajjiż fl-aħħar jiem. Iżda aktar minn hekk, din ċertament mhix sfida li qed taffaċja l-Belt Valletta biss.

Diversi persuni spjegaw li din is-sitwazzjoni ta’ biża’ tinsab f’diversi lokalitajiet fosthom il-Ħamrun, San Ġiljan, tas-Sliema, l-Marsa u bosta zoni oħra tal-pajjiż bħal ma jixhdu diversi filmati li ta’ kull ġimgħa jiġu mxandra fuq il-midja soċjali jew saħansitra bi stejjer li jispiċċaw fl-aħbarijiet.

Huma appellaw lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex jieħu azzjoni u mhux għal darb’oħra jkun reattiv u jieħu passi bil-paroli biss…qabel ma sseħħ traġedja oħra. Dan filwaqt li uħud insistew li l-Forzi tal-Ordni għandhom ikunu attrezzati biżżejjed għas-sigurtà kemm tal-uffiċjali nfushom kif ukoll tal-familji Maltin u Għawdxin.

Intant b’rabta ma’ dak li seħħ is-Sibt filgħaxija ….fi stqarrija l-Kummissarju għat-Tfal, Antoinette Vassallo, kkundannat dan l-inċident u insistiet li t-tfal u żgħażagħ għandhom dritt li jiddevertu b’mod sigur.

Iżda insistiet illi filwaqt li dawn għandhom ikollhom aċċess għal postijiet adattati…għandu jkun hemm ukoll aktar sorveljanza kemm fit-toroq kif ukoll f’postijiet ta’ divertiment.