Lokali

Il-Ministru Byron Camilleri is not fit for purpose – PN

Meta ħarġet l-aħbar li d-Direttur tal-Ħabs kien qed jiġi akkużat fil-Qorti, il-Partit Nazzjonalista kien saħaq li kellu jkun sospiż sakemm ikunu konklużi dawn il-proċeduri. Il-Ministru Byron Camilleri kien wieġeb li ma riedx joħloq vacuum fit-tmexxija tal-Ħabs. Donnu ried iġiegħel lil kulħadd jemmen li m’hemm ħadd kapaċi jokkupa din il-kariga mqar b’mod temporanju.

Hekk intqal mill-PN fi stqarrija maħruġa illum mid-deputat Joe Giglio.

Għall-Partit Nazzjonalista, issa li d-Direttur tal-Ħabs instab ħati mill-Qorti, ir-riżenja tiegħu ma tnaqqas xejn mid-deċizjoni żbaljata li ħa l-Ministru dakinhar li feġġ il-każ. Dik id-deċiżjoni kompliet tkattar il-kultura li ħoloq il-Gvern tal-Labour li f’pajjiżna kulhadd jista’ jagħmel li jrid mingħajr ma jkun hemm konsegwenzi u mingħajr ma tintrefa’ r-responsabbiltà.

B’hekk kompliet tikber il-politika ta’ impunità u dan kompla jkabbar ir-riskju tas-sigurtà f’pajjiżna.
Issa, l-akbar ċertifikat li l-Ministru Byron Camilleri is not fit for purpose tahulu Robert Abela stess meta stqarr li lanqas jafda li t-tifla tiegħu tkun waħedha fil-Belt Valletta.

Barra minhekk, in-nuqqas ta’ ħila tal-Ministru hu nnotat ukoll fid-demotivazzjoni li hemm fil-Korp tal-Pulizija, li l-Armata m’għandha l-ebda direzzjoni u s-sistemi ta’ Identity Malta kkollassaw għal kollox.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jħoss li m’hemmx triq oħra għajr li l-Ministru Byron Camilleri jirriżenja minn rajh, inkella jitneħħa minn Robert Abela.