Lokali Parlament

In-nisa għandhom jinvestu fl-edukazzjoni biex ikollhom indipendenza finanzjarja

Albert Butttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg appella lin-nisa biex jinvestu fl-edukazzjoni biex ikollhom indipendenza finanzjarja.

Fil-parlament Albert Buttigieg qal li l-pajjiż irid jassigura li jkun hemm il-prevenzjonijiet minn sitwazzjonijiet li fihom in-nisa li jaħdmu d-dar jispiċċaw bla pensjoni f’każ ta’ separazjonijiet. Hu tkellem dwar l-importanza li n-nisa jkunu indipendenti u qal li għad hawn sitwazzjonijiet li fihom in-nisa huma dipendenti fuq l-irġiel.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li n-nisa għandhom jinvestu fl-edukazzjoni tagħha billi tieħu sehem fl-opportunitajiet li l-Istat joffri fl-edukazzjoni. Hu sostna li l-PN dejjem emmen fl-edukazzjoni u nvesta fil-kbir fl-edukazzjoni tan-nisa. L-istatistika turi li hemm iktar nisa li jiggradwaw mill-università fl-ammont ta’ 60% tal-gradwati mill-università.

Malta għandha l-ikbar rata ta’ studenti li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni; numru minn dawn huma nisa. Hemm ukoll nisa li jagħmlu l-għażla libera tagħhom li jaħdmu fid-dar, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li din l-għażla għandha tkun rikonoxxuta mill-Istat. Hu appella biex ix-xogħol tad-dar jingħata l-istatus legali daqs xogħol li jsir barra d-dar.

Id-deputat Nazzjonalista qal li n-nisa ma jistgħux jikkwantifikaw ix-xogħol li jagħmlu d-dar u għalhekk f’każi ta’ separazzjoni, dawn is-siegħat ikunu kwantifikati imqar skont il-paga minima.

Albert Buttigieg appella biex ikun skemi ta’ għajnuna lil nisa li jerġgħu jirritornaw għax-xogħol u qal li meta f’separazzjoni tinbiegħ id-dar matrimonjali il-partijiet ma jkollhomx flus biżejjed biex jixtru propjetà.

Id-deputat Nazzjonalista qal li f’dawn iċ-ċirkostanzi n-nisa ma jikkwalifikawx għall-għanuna minħabba li jkollhom dħul mid-dar li biegħu.