Lokali Parlament

Is-soċjetà għandha tassigura li l-familja Maltija ma tintilifx

Carm Mifsud Bonnici, PN

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal fil-parlment li s-soċjetà għandha tassigura li l-familja Maltija ma tintilifx.

Carm Mifsud Bonnici qal li l-liġi qed tintroduċi l-kunċett li l-kontribuzzjonijiet soċjali jkunu trasferiti bejn il-mara u r-raġel. Hu sostna li meta waħda mill-partijiet ma tkunx ħallset il-kontribuzzjonijiet, meta tiġi għall-pensjoni jkollha iktar bżonn kontribuzzjonijiet għall-pensjoni.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-problema tqum meta l-koppja tkun viċin il-pensjoni u sostna li din il-liġi qed tipprova tiddefendi s-sitwazzjoni tas-seperazzjonijiet.

Għalhekk għandha ssir riflessjoni dwar is-sitwazzjoni tal-familja llum f’soċjetà fejn hemm iktar separazzjonijiet, inqas twelid u problemi ta’ akkomodazzjoni għal dawk li jispiċċaw weħidhom. Jeħtieġ li ssir diskussjoni dwar liġijiet għal iktar għajnuna.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li jrid ikun ikkunsidrat l-aspett ta’ ċittadini barranin u l-kategorija vulnerabbli tal-immigranti rregolari. Jeħtieġ li jkun iktar għajnuna lill-koppji li jkunu se jiżżewġu biex jixtru l-propjetà, sostna Carm Mifsud Bonnici, li kompla li l-iskemi li qed iressaq il-gvern mhux qed ikollhom effett fit-tessut soċjali tal-pajjiż.

Carm Mifsud Bonnici qal li l-gvern għandu jikkunsidra wkoll x’jista’ jagħmel għall-koppji li jridu jkolhom iktar tfal biex jgħinhom fil-problemi tagħhom.

L-iskemi li hawn f’Malta llum saru neċessità u mhux żieda fl-għajnuna għall-familji. Hu qal li l-pajjiż għandu jiddiskuti l-kunċetti ta’ iktar żmien lin-nisa li jkollhom it-tfal fil-kuntest tal-pensjoni. Jeħtieġ ukoll li l-idea li mra tibqa’ d-dar mal-familja ma tibqax tkun ikkunsidrata bħala antikwata.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern għandu jifhem li fis-soċjetà naqsu t-twelid u sostna li l-familja mhux tingħata prijorità iktar minn 30 sena ilu meta r-realtà tal-familja kienet differenti.